€60 miljun f’Savings Bonds għall-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 62 sena

Il-Gvern nieda l-iskema ta’ Saving Bonds għall-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 62 sena. Din is-sena l-ammont se jkun ta’ €60 miljun u jista’ jiżdied b’35 miljun oħra f’każ li d-domanda teċċedi l-ammont.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li għar-raba’ sena konsekuttiva l-Gvern se joħroġ Savings Bonds għall-anzjani ‘l fuq minn 62 sena.

Il-Ministru qal li s’issa bbenefikaw minn din l-iskema 24,600 anzjan. L-imgħax ta’ dawn il-bonds se jkun 3% u se tkun qiegħda tingħata prijorità lil dawk l-anzjani li s’issa għadhom qatt ma bbenefikaw minn din l-iskema, madankollu dawk li diġà pparteċipaw huma eliġibbli li japplikaw ukoll.

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu f’isem l-applikant waħdu, għall-ammont ta’ mhux inqas minn €500 sa massimu ta’ €10,000 kull persuna. Dawn il-bonds ser jinħarġu b’maturità ta’ ħames snin, bl-imgħax jitħallas darbtejn fis-sena.

L-applikazzjonijet ser jiftħu l-Erbgħa, 15 ta’ Lulju 2020, u jagħlqu l-Ħamis, 16 ta’ Lulju 2020, jew aktar kmieni skond id-diskrezzjoni tal-Accountant Ġenerali. Il-prospett se jkun disponibbli għall-publiku minn ġimgħa qabel, jiġifieri mit-Tlieta, 7 ta’ Lulju 2020. Wieħed jista’ jniżżel dan il-prospett minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor li huwa www.treasury.gov.mt