€6 miljun f’rifużjonijiet tal-kontijiet tad-dawl għal kumpaniji u self-employed

Photo by: DOI - Kevin Abela

Aktar minn 5,000 kumpanija u self-employed se jirċievu lura b’total ta’ €6 miljun f’rifużjonijiet tal-kontijiet tad-dawl, grazzi għal skema li ġiet imnedija mill-Malta Enterprise.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, f’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-iskema tar-rifużjoni tal-kont tad-dawl għan-negozji.

Barra minn hekk, tħabbar wkoll li l-wage supplement qed jinħareġ kmieni, biex b’hekk qed inpoġġu €40 miljun fil-bwiet tal-ħaddiema u n-negozji.

Il-Ministru Dalli spejgat li se jibbenefikaw il-kumpaniji u negozji li qed joperaw minn Malta u Għawdex u jimpjegaw ’il fuq minn 25,800 ħaddiem.  Fost il-5,000 kumpanija li bdew jirċievu dan il-ħlas hemm 1,860 persuna li jaħdmu għal rashom.

L-iskema tar-rifużjoni tal-kont tad-dawl tħabbret bil-għan li tgħin lin-negozji matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru.

Malta Enterprise rċiviet 6,400 applikazzjoni u se jkunu qed jiġu mgħejjuna madwar 7,220 kont tad-dawl; fejn kumpanija kellha kont wieħed, din setgħet titlob għal rifużjoni sa massimu ta’ €1,500; negozji b’aktar minn kont wieħed setgħu jirċievu sa massimu ta’ €7,500, skont in-numru ta’ ħaddiema u l-wage supplement.

It-total f’għajnuna f’dawn iż-żminijiet tal-Milied se tkun qed tammonta għal madwar €40 miljun f’likwidità għan-negozji u s-self employed. Dan l-ammont jeskludi l-vouchers il-ġodda li se jkunu qed jibdew jingħataw minn Jannar.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif bejn Marzu u Diċembru, ingħataw ’il fuq minn €320 miljun permezz tal-iskema tal-Wage Supplement.

Minn din l-iskema gawdew madwar 17,000 negozju u 85,000 ħaddiem.

Il-Malta Enterprise tħaddem aktar skemi, fosthom dik tat-teleworking, il-leave tal-kwarantina u tar-rifużjoni fuq il-kirjiet.