€560,000 f’għajnuna għal tfajliet bla saqaf fuq rashom

DOI - Clifton Fenech

Dar Tereża Spinelli, li sservi ta’ xelter 24 siegħa kuljum għal nisa li jkunu spiċċaw barra minn darhom, se tibbenefika minn €560,000 mill-Gvern fuq perjodu ta’ tliet snin.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja Michael Falzon issiġilla ftehim soċjali ma’ din id-Dar, filwaqt li spjega li d-dar għandha kapaċità li tilqa’ 15-il mara u f’każijiet minnhom tilqa’ wkoll it-tfal ta’ dawn it-tfajliet. Tingħata wkoll assistenza psikoloġika, fiżika u sapport soċjali. It-tfajliet ikollhom bejn 15 u 18-il sena u jkunu spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Fil-preżent, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali għandu 48 ftehim soċjali ma’ għaqdiet jew residenzi li jgħinu l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà.  Il-Ministru sostna li din is-sena s-somma totali telgħet €17-il miljun, meta seba’ snin ilu kienet ta’ €3 miljun.