€55,000 għal 8 proġetti soċjali mill-Premju tal-President għall-Kreattività

DOI - Clifton Fenech

Tmien proġetti qed jibbenefikaw minn total ta’ €55,000 fl-edizzjoni tal-2019 tal-Premju tal-President għall-Kreattività.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President qal li l-inizjattiva tagħti rikonoxximent u appoġġ fl-ogħla livell tal-Istat lill-għaqdiet, speċjalment dawk li jaħdmu ma’ gruppi żvantaġġati, għall-involviment fi proġetti ta’ espressjoni kreattiva, u b’hekk jgħinuhom iżidu l-livell ta’ integrazzjoni u ta’ impenn fis-soċjetà. Il-premju hu mmexxi mill-Uffiċċju tal-President u mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Min huma r-rebbieħa tal-2019?

Spero: Ir-Raġel li Jara b’Widnejh

Dan il-proġett jimmira li juża l-arti bħala mezz, u jiżviluppa l-abbiltajiet ta’ persuni li jużaw is-servizzi ta’ Spero filwaqt li jikkontribwixxi għall-benessri ġenerali tagħhom permezz tad-drama. Spero huwa ċentru ta’ taħriġ u attività għal persuni neqsin mid-dawl jew b’vista batuta. Id-dramm ‘Ir-Raġel li Jara b’Widnejh’ inkiteb minn Martha Vella, b’direzzjoni ta’ Josette Ciappara.

Fondazzjoni Wens: Empowering through murals: Using murals to empower, team build and create a place of public memory for residents

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jwassal element ta’ kreattività lid-dar fil-Fgura (Merħba – Fondazzjoni Wens), permezz ta’ xogħlijiet tal-arti magħmula mir-residenti nfushom. L-artist James Micallef Grimaud flimkien ma’ ħaddiem fil-qasam taż-żgħażagħ se jkunu qed jakkumpanjaw lir-residenti matul kull pass tal-proġett. Ix-xogħlijiet magħmula f’dan il-proġett se jiffokaw fuq in-narrattiva li għandha x’taqsam mal-memorji diversi li għandhom ir-residenti tal-istaġuni tas-sena.

St Jeanne Antide Foundation: A Stitch in Time

Il-bizzilla taċ-ċombin magħmula bl-idejn hija sengħa li qed tmut. Dan il-proġett għandu l-għan li jqajjem din it-tradizzjoni kulturali mill-ġdid u joħloq spazji għall-komunità, għall-kondiviżjoni, għall-fejqan u għall-inklużjoni permezz tat-tagħlim ta’ din il-forma ta’ arti lokali. Il-proġett huwa maħsub għal nisa li għandhom diversi ħtiġijiet kumplessi li l-Fondazzjoni St Jeanne Antide toffri s-servizzi tagħha lilhom.

Step Up for Parkinson’s

Step Up for Parkinson’s hija Organizzazzjoni Volontarja li toffri klassijiet speċjalizzati b’xejn tal-moviment lil persuni bil-kundizzjoni tal-Parkinson u min jieħu ħsiebhom. Dawn il-klassijiet urew li kienu ta’ benefiċċju permezz ta’ studji tal-każ li saru matul l-aħħar għaxar snin, notevolment dik minn Dr Sarah Houston, lekċerer u riċerkatriċi fir-Roehampton University. Dawn il-klassijiet itejbu l-kwalità tal-ħajja ġenerali fiżikament, psikoloġikament u soċjalment. Il-parteċipanti jaħdmu fuq il-ħiliet ta’ mobbiltà tagħhom, il-bilanċ, iċ-ċaqliq tal-piż, il-mixja, l-irpoż, il-bidu ta’ moviment, u l-espressjoni tal-wiċċ.

Karl Vella Foundation: Shaping Dreams Together

Il-proġett jikkonsisti f’122 sessjoni ta’ ċeramika matul 127 ġimgħa għal tfal li qed jaffaċċjaw telfien jew mard serju fil-familha tagħhom, li jaffettwahom soċjalment u psikoloġikament. Flimkien ma’ Alka Ceramics, il-proġett juża t-tafal skont il-ktieb ta’ Patricia Sherwood “Clay Therapy”, li jipprovdi direzzjoni għall-użu tal-mezz b’saħħtu tat-tafal biex jgħin lit-tfal jaffaċċjaw diversi problemi fosthom ir-rabja, in-niket, u l-biża’.

Theatre Anon Arts Foundation: Restorying Lives: Creative Stories for Persons Living with Dementia

Is-servizzi għal persuni bid-dimenzja żdiedu matul is-snin, iżda żgur mhumiex biżżejjed. Ma tantx hemm attivitajiet li jużaw mezzi kreattivi, inkluż fiċ-ċentri tal-kura ta’ matul il-jum u fid-djar, u l-ħajjiet ta’ dawn in-nies ta’ spiss jispiċċaw f’iżolament u silenzju, bi stejjer, narrattivi u ħajjiet minsija jew mhux magħrufa. Dan il-proġett ifittex li juża r-rakkuntar tal-istejjer kreattiv sabiex: jistimola l-memorja; inaqqas l-iżolament soċjali permezz ta’ spazju kreattiv inklussiv; jappoġġja u jagħti s-setgħa lill-persuni li jieħdu ħsiebhom, notevolment familji, biex jaħdmu ma’, jagħtu appoġġ lil u jipprovdu stimolu lil membri li qed jgħixu bid-dimenzja.

ŻfinMalta – National Dance Company: Get Loose

Loose hija sejħa biex inneħħu l-konfini stretti li jġibu magħhom it-tabelli u l-kompartimenti f’moħħna meta niġu biex nidentifikaw il-persuni. Din il-missjoni se titwettaq permezz tal-proċess tal-proġett, kif ukoll matul il-preżentazzjoni tiegħu. ŻfinMalta qabbdu lil Gabriel Galindez Cruz, koreografu mill-Kolombja bbażat f’Berlin, li għandu esperjenza estensiva fil-ħidma mat-tfal li m’għandhom l-ebda esperjenza taż-żfin. Bl-għarfien espert ta’ Gabriel f’dan il-qasam ta’ moviment, l-għan aħħari tal-proġett huwa li jippreżenta biċċa xogħol li ġġiegħel lill-udjenzi jaħsbu mill-ġdid dwar il-mod kif nevalwaw il-ġeneru billi jpoġġi lill-parteċipanti u lill-artisti fl-istess univers.

Young People’s Unit: Shout Out For Mental Health

Fl-ewwel fażi, it-tfal u l-adoloxxenti fil-Young People’s Unit se jkollhom sessjoni tal-grupp kull ġimgħa, li se tkunn immexxija minn Terapista Okkupazzjonali u Infermiera Psikjatrika, fejn it-tfal u l-adoloxxenti se jiġu inkoraġġuti li jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom rigward is-saħħa mentali. Se jattendu għas-sessjonijiet Gianluca Bezzina u Paul Bezzina, u l-parteċipanti se jingħataw gwida dwar l-elementi bażiċi tal-kitba tad-diski u tal-lirika. Fit-tieni fażi, il-kantant/kantawtur se jipproduċu diska finali mil-lirika u l-mużika maħluqa matul it-32 sessjoni. Se jiġi organizzat focus group sabiex tiġi diskussa l-aħħar diska, u biex ikun żgurat li din id-diska tkun rappreżentazzjoni vera tal-emozzjonijiet u l-esperjenzi tagħhom.