€55 kuljum għal kull sodda fid-Downtown

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żvela fil-Parlament li l-Gvern qed iħallas €54.79 kuljum għal kull spazju ta’ sodda li tintuża fil-lukanda Downtown.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Jason  Azzopardi, Camilleri qal li l-Gvern daħal fi ftehim ma’ Downtown Ltd wara negotiated procedure, proċedura adottata li tirrifletti ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ħakmu lill-gżejjer Maltin u l-kumplament tad-dinja, minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Huwa qal li din is-somma tinkludi l-użu esklussiv ta’ dawn iż-żoni:

  • 1. Restorant u kafetterija li se jintużaw bħala multi-purpose hall u canteen għall-istaff kollu, residenti kif ukoll għall-viżitaturi;
  • 2. Foyers li jinkludu l-entratura u r-reception area;
  • 3. Il-liftijiet kollha
  • 4. Il-kċina u l-food assembly area;
  • 5. Toilets;
  • 6. Żona ta’ separazzjoni tal-iskart;
  • 7. Kappella;
  • 8. Aċċess għall-parkeġġ taħt l-art

Din ir-rata tinkludi wkoll alterazzjonijiet, servizzi ta’ tindif, reception services u s-servizzi tal-manutenzjoni ġenerali.

Camilleri qal li dan il-pass, li fi kliem l-Oppożizzjoni stess ġie deskritt bħala wieħed ‘importanti’, ikompli juri kif il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli sabiex jissalvagwardja s-saħħa tal-anzjani waqt li fl-istess ħin ikompli jipprepara għall-ġlieda kontra l-Covid 19.

“Fil-fatt dan se jwassal sabiex ammont sostanzjali ta’ sodod fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkunu jistgħu jiġu dedikati għall-pazjenti milquta mill-Covid-19; kollox skont ir-rakkomandazzjonijiet li qed isiru mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u mill-Covid-19 Task Force,” saħaq Camilleri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn