€50,000 fis-sena miċ-ċitazzjonijiet jintużaw għar-restawr

DOI - Jeremy Wonnacott

Mal-€50,000 fis-sena li jidħlu miċ-ċitazzjonijiet jintużaw għar-restawr.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal dan waqt li kien qed iżur wieħed mill-proġetti ta’ restawr f’Ħal Qormi. B’nefqa ta’ €28,000 qed isir restawr fuq statwa ta’ San Ġorġ, tisbiħ tal-pjazza u qed isiru wkoll xi sqaqien antiki.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern qal li l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA) tiddedika miljun ewro fis-sena biex mill-ħlas taċ-ċitazzjonijiet isiru proġetti fil-lokalitajiet. Dawn huma proġetti li jvarjaw minn dawk ambjentali, għal oħrajn infrastrutturali, edukattivi u ta’ restawr.

“Iċ-ċitazzjonijiet m’għandhomx iservu ta’ qligħ għall-Gvern. Il-Gvern joħloq il-ġid billi jinċentiva n-negozju u jkabbar l-ekonomija. Għalhekk nagħżlu li nagħtu lura lin-nies dawn il-flus”, qal il-Ministru Camilleri f’Ħal Qormi filwaqt li rringrazzja lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u lill-istess kunsilli lokali li opportunità bħal din jippruvaw jaħtfuha.