€5,000 għal informazzjoni dwar l-aħħar ċikonja li aktarx mejta

L-aħħar ċikonja hija issuspettata mejta, qalu l-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS). Qed joffru €5,000 għal nies li għandhom informazzjoni dwar min qatel l-għasfur.

Il-Kumitat spjega li l-għasfur ġie Malta fl-10 t’Awwissu, flimkien mas-17-il ċikonja l-oħra, imma dawn malajr bdew jiġu ikkaċċjati. Peress li l-għasafar l-adulti, li kienu qed jigwidaw liċ-ċikonji iżgħar, kienu fost l-ewwel li inqatlu, l-għasafar l-oħra ġew diżorjentati u ma setgħux jitilqu minn Malta.

Attivisti minn dan il-Kumitat, bil-permess m’għand il-kumitat tal-Ornis u mit-Taqsima tar-Regolamenti dwar l-Għasafar Selvaġġi, kienu ippjanaw biex jaqbdu ċ-ċikonja sabiex tittieħed il-Ġermanja, u sejħu espert sabiex jgħinhom. Ġurnata wara li tpoġġew in-nases, l-għasfur sparixxa.

“Ilna ma narawha mis-Sibt li għadda, u nibżgħu mill-agħar”, qalet Fiona Burrows, l-Uffiċjal għal Kriminalita tal- Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar.

Dawk li għandhom informazzjoni relevanti jistgħu jikkuntattjaw jew lill-kumitat jew lill Pulizija.