€50 kull xift għall-ħaddiema tas-saħħa li jduru b’pazjenti f’riskju – MUMN

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel qablet mal-awtoritajiet tas-saħħa li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li jilbsu lbies protettiv għax ikunu qegħdin jieħdu ħsieb ta’ pazjenti f’riskju bil-coronavirus, se jingħataw allowance ta’ €50 għal kull xift.

F’avviż li bagħtet lill-membri tagħha, l-MUMN spjegat li dan għandu jammonta għal madwar €1,000 f’erba’ ġimgħat. Hija laħqet qbil mal-awtoritajiet fuq l-assigurazzjoni li għandha tingħata lill-ħaddiema li jassistu lil pazjenti f’riskju.

Hija infurmathom li l-coveralls (ilbies protettiv apposta) li ordnat għall-ħaddiema tas-saħħa għandhom jaslu Malta sa tmiem il-ġimgħa. Il-ġimgħa d-dieħla, imbagħad, għandhom jingħataw taħriġ fuq l-ilbies.

Żiedet tgħid li d-direttivi tagħha fuq dan għadhom jgħoddu, jiġifieri li jekk infermiera jew membri oħra tal-MUMN ma jkollhomx biżżejjed ilbies protettiv u maskra tat-tip N95, dawn m’għandhomx idewwu lill-pazjenti sakemm ma l-post ma jkollux sistema ta’ pressjoni negattiva. Huma għandhom jattendu biss lekċers fuq il-coveralls.

Apparti dan, l-MUMN laħqet qbil mal-Ministeru għas-Saħħa li dawk l-infermiera u tobba li jkunu qegħdin idewwu lill-pazjenti f’riskju, jingħataw post fejn jistgħu joqogħdu kwarantina, għalkemm l-Unjin għadha mhix infurmata bil-post.

L-MUMN beħsiebha tiddiskuti wkoll post alternattiv fejn joqogħdu dawk li jkunu qegħdin jistennew ir-riżultat tat-test tal-coronavirus, minflok fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

L-Unjin għandu jkollha laqgħat mal-awtoritajiet dwar żoni ġodda u iżjed ħaddiema fil-jiem li ġejjin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn