€45,000 għal xiri ta’ strumenti mużikali minn soċjetajiet tal-banda

Ritratt: Jason Borg

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar fond maħruġ mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda b’valur ta’ €45,000 biex jinxtraw strumenti għal studenti li jkunu jdoqqu strument partikolari.

Il-Ministru Herrera tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ u jkun ta’ spalla għas-soċjetajiet tal-baned ghaliex verament jemmen li għandhom rwol importanti fil-qofol tal-komunitajiet tagħna. “Bħala gvern jemmen li l-irwol tas-soċjetajiet tal-baned huwa wieħed importanti u parti essenzjali mill-identità tagħna bħala Maltin”, qal il-Ministru Herrera filwaqt li rrimarka li l-irwol tas-soċjetajiet tal-baned jinkludi wkoll l-aspett edukattiv li jrawwem fiż-żgħażagħ u fil-komunitajiet tagħna. Il-ministru saħaq li dan il-fond huwa mmirat li nkomplu ngħinu lis-soċjetajiet tal-baned imma wkoll inkomplu nixprunaw aktar żgħażagħ biex jersqu lejn is-soċjetajiet tal-baned biex jitgħallmu xi strument mużikali.

Dr Noel Camilleri f’isem l-Għaqda Każini tal-Banda qal li din hija inizjattiva oħra li l-Għaqda qiegħda taħdem flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti għall-ġid tal-Kultura Maltija u tal-komunitajiet lokali. Dr Camilleri tenna li l-Għaqda hija wahda proattiva fejn mhux biss tressaq proposti imma wkoll tassigura li l-inizjattivi jitwettqu bl-aħjar mod possibbli b’sens ta’ kollaborazzjoni mal-imsieħba rispettivi. L-Għaqda tal-Każini tal-Banda tilqa’ inizjattivi bħal dawn għaliex temmen li l-għan aħħari huwa dak li nkomplu nibnu soċjetajiet aktar sostenibbli filwaqt li nixprunaw l-aspett kulturali li tant huwa għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin.

Dan il-fond hu għall-ko-finanzjar ta’ strument li jinxtara għall-użu minn bandist/i rreġistrati mas-Soċjetà li qiegħda tapplika. Il-fond jista’ jkopri investiment ta’ 85% tal-ispiża totali tal-proġett u l-proposta trid tinkludi programm edukattiv dettaljat u realistiku u tinkludi l-isem u l-esperjenza tal-għalliem flimkien ma’ dak li mistenni li jkun it-tagħlim proġettat, qalet Mary Ann Cauchi, Direttur Fondi u Strateġija.

Il-proposti jridu jitressqu fuq www.vofunding.org.mt sal-15 ta’ Jannar f’nofsinhar.

Ritratt: Jason Borg

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.