€450,000 għal triq waħda fis-Swieqi

Infrastructure Malta ħabbret li se tibni mill-ġdid Triq il-Keffa fis-Swieqi b’nefqa totali ta’ €450,000.

Skont l-istqarrija din l-ispiża tkopri l-ispejjeż biex it-triq tinbena mill-ġdid, 700 metru ta’ bankini, 130 metru kanali għall-ilma tax-xita kif ukoll it-tqegħid ta’ pajpijiet u cables taħt l-art għas-servizzi tal-ilma, tad-dawl u tat-telekomunikazzjoni.

Infrastructure Malta spjegat li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi talab l-għajnuna tal-Gvern biex tinbena din it-triq peress li l-ispiża tfisser aktar minn sitt xhur ta’ ħidma għal kunsill u din l-aġenzija bdiet tiffoka wkoll fuq toroq residenzjali.