€4.3 biljun f’arretrati ma jistgħux jiġu rkuprati mill-Gvern

Sal-aħħar tal-2019, il-Gvern kellu jitħallas aktar minn €5.1 biljun f’arretrati, imma l-parti kbira tagħhom – kważi €4.3 biljun – huma meqjusa li ma jistgħux jiġu rkuprati, skont rapport tal-Awditur Ġenerali.

L-ammont ta’ arretrati li l-Gvern għandu jitħallas żdied b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin, minn €2.62 biljun fl-aħħar tal-2015. L-ammont li mhux mistenni li jista’ jkun irkuprat ukoll tela’ b’mod korrispondenti: fl-aħħar ta’ 2015 kien €2.19 biljun.

B’hekk il-bilanċ ta’ arretrati li jistgħu jiġu rkuprati tela’ minn €434 miljun fl-2015 għal €819 miljun fl-2019, li jammontaw għal 6.1% tal-prodott gross domestiku Malti. Fl-istess ħin, l-ammont ta’ arretrati li tħallsu tela’ minn €204 miljun fl-2015 għal €330 miljun 4 snin wara.

Skont analiżi li saret mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), €3.26 biljun ta’ arretrati kienu ġew ikkontestati, però m’hemmx azzjoni legali pendenti fuqhom. Min-naħa l-oħra, kien hemm €330.4 miljun f’arretrati fejn hemm azzjoni legali pendenti. €166.6 miljun oħra ġew preskritti.

L-NAO enfasizza t-tħassib tiegħu fi snin preċedenti fir-rigward tal-volum ta’ arretrati li mhumiex miġbura peress li ilhom jiżdiedu fuq bażi annwali. Min-naħa l-oħra, l-uffiċċju nnota b’mod  favorevoli li matul is-2019, il-Ministeru għall-Finanzi ppropona triq il-quddiem li ġiet preżentata lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi f’Awwissu.

Skont din il-proposta, il-Ministeru għandu jibda eżerċizzju ta ’approvazzjoni fir-rigward ta’ dħul b’arretrati kkunsidrati li ma jistgħux jinġabru – li ġeneralment jappartjenu għal stimi, persuni mejta, kumpaniji li ġew xolti, kumpaniji f’likwidazzjoni, ħlasijiet ikkontestati u dawk preskritti.

Il-ministeri qed jipproponi li jitfassal rapport fuq in-natura tal-arretrati meqjusa li ma jistgħux jinġabru.