€385,000 biex ġie organizzat Gozo Alive

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-ispiża biex ġie organizzat il-festival Gozo Alive telgħet għal €385,331. Huwa qal dan fil-Parlament meta mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said biex il-Gvern jgħis min organizza din l-attività u kemm tħallsu.

Il-Ministru qal twaqqaf working group li jikkonsisti minn ħaddiema taċ-ċivil f’Għawdex kif ukoll oħrajn li huma midħla sew tax-xena kulturali. Il-Ministru semma biss lil Clint Bajada u Alfred Zammit li qal li tħallsu €3,500 kull wieħed. Fl-2018, il-Ministeru għal Għawdex kien qabbad direttament lil Lou Bondi u lil Felix Busuttil biex jorganizzaw din l-attività

Dwar il-ħaddiema tal-Gvern minn Skala 7 ’l isfel, il-Ministru qal li dawn tħallsu overtime jekk ħadmu wara l-ħin tax-xogħol.

Chris Said staqsa wkoll biex il-Ministru jgħid liema postijiet ġew użati, bil-Ministru jgħid li l-avveniment ġie organzizat f’għadd ta’ postijiet madwar Għawdex u ma kien hemm l-ebda kera involuta peress li l-attivitajiet saru fil-propjetajiet tal-Gvern u l-Gvern lokali.

Il-Ministru Camilleri aċċerta lill-Parlament li nħarġu tenders, intalbu kwotazzjonijiet, saru sejħiet lill-Kunsilli Lokali biex jipproponu attivitajiet min-naħa tagħhom u kif ukoll saret sejħa għall-artisti taħt l-iskema Call for Artists.

Bla ma ta aktar dettalji, il-Ministru qal li kellhom jinħarġu direct orders f’ċirkostanzi fejn ma setax isir mod ieħor.