€37,000 fis-sena biex joperaw waħedhom lejn Kemmuna

Operaturi tad-dgħajjes li joperaw minn diversi nħawi f’Malta lejn Kemmuna se jkollhom jieqfu jagħmlu dan minn nhar is-Sibt hekk kif il-Gvern ta’ konċessjoni lil kumpanija waħda biex topera dan is-servizz għal 15-il sena. Comino Ferries Coop Limited kienet l-unika kumpanija li ssottomettiet l-offerta u mistennija tħallas mas-€37,000 fis-sena biex toffri s-servizz għall-passiġġieri.

Bil-ftehim li sar bejn il-kumpanija u l-Gvern, il-prezz tal-biljetti jista’ jirdoppja minn dak li huwa llum.

Għadd ta’ operaturi jinsabu urtati

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt uħud mill-operaturi li jinsabu urtati qalu li ilhom f’dan ix-xogħol is-snin u issa se jkollhom jieqfu minħabba dan il-ftehim. F’ittra li rċivew dawn l-operaturi jingħad li l-kumpanija li rebħet il-konċessjoni se tingħata d-drittijiet esklussivi biex topera fuq skeda regolari miż-żona sħiħa tat-Tramuntana ta’ Malta miċ-Ċirkewwa sal-Marfa lejn il-bajjiet ta’ San Marija u l-Blue Lagoon f’Kemmuna. B’hekk l-operaturi l-oħra ma jistgħux joffru l-istess servizz jew servizzi simili għal dak mogħti lill-kumpanija.

L-ittra li nħarġet fit-13 ta’ Jannar tgħidilhom ukoll li jekk is-sidien, l-operaturi jew il-kru tad-dgħajjes ma josservawx dawn ir-regoli, Transport Malta, li hija wkoll l-aġenzija tal-Gvern fil-qasam marittimu, tista’ tieħu azzjon legali jew azzjoni ta’ infurzar fuqhom.

Captain Morgan daħlet fil-ftehim

Captain Morgan hija waħda mill-erba’ kumpaniji li ħadu l-konċessjoni f’isem il-kooperattiva, b’kelliem għall-kumpanija jikkonferma li t-tliet kumpaniji l-oħra kienu diġà qed joperaw fuq ir-rotta li għaliha japplika t-tender. Il-kelliem naqas milli jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt iżda fl-istess ħin il-kumpanija ħarġet stqarrija li fiha xejnet għal kollox il-kritika tal-operaturi l-oħra minħabba li qalet li l-kooperattiva tagħhom kienet l-unika waħda li wriet l-interess tagħha fil-perjodu ta’ sejħa għall-proposti.

Il-membri fil-kooperattiva huma Julian Zammit Tabona għal Captain Morgan, Mark Anthony Bajada, Loreto Xuereb, Joey Camilleri, Johnnie Spiteri, Joseph Xuereb u Samuel Camilleri.

Dwar dan il-ftehim, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru iżda ma kienitx waslet risposta sal-ħin tal-pubblikazzjoni.

F’Ġunju li għadda, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif il-futur tas-sidien li bħalissa jħaddmu s-servizz tad-dgħajjes miċ-Ċirkewwa lejn Kemmuna jinsab inċert minħabba li kien hemm għaddejja s-sejħa għal proposti biex Transport Malta tagħti konċessjoni ta’ 15-il sena lil operatur wieħed kif fil-fatt sar f’Awwissu 2019.

Il-kooperattiva fl-istqarrija qalet li l-konċessjoni mal-Gvern kellha għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li d-dgħajjes ikunu ekoloġiċi, skeda fissa b’aktar frekwenza, skeda estiża fis-sajf sat-8pm flok sas-6pm u ż-żieda tal-Bajja ta’ Santa Marija fl-istess prezz tal-biljett lejn Blue Lagoon.

Il-mistoqsijiet dwar kemm għandha sehem Captain Morgan minn dan il-proġett baqgħu mhux imwieġba.

Monopolju u diskriminazzjoni bejn l-operaturi – GTA

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, il-GTA, qalet li b’dan il-ftehim mal-Gvern qed isir monopolju u diskriminazzjoni bejn l-operaturi.

F’appell li għamlet lil Transport Malta hija ħeġġet biex issir reviżjoni tal-pożizzjoni tagħha u tagħti l-istess drittijiet lill-operaturi b’mod ġust u tiggarantixxi d-dritt tas-sidien liċenzjati tad-dgħajjes li joperaw barra mill-iskeda.

Qalu wkoll li b’dan il-ftehim jistgħu jonqsu l-konferenzi u l-inizjattivi turistiċi minħabba li d-dgħajjes li joperaw f’dan il-qasam jużaw l-istess servizzi ta’ irmiġġ li ġew mogħtija b’mod speċjali lill-kumpanija li ntgħażlet.