€35 miljun f’bitcoin misruqa minn kumpanija rreġistrata f’Malta

Iktar minn €35 miljun f’bitcoin ġew misruqa minn kumpanija rreġistrata f’Malta. Matul il-jum tat-Tlieta l-kumpanija Binance sofriet attakk ċibernetiku li wassal biex jinsterqu 7,000 bitcoin.

Fi stqarrija l-kumpanija Binance kkonfermat li kien hemm ksur ta’ data fuq ‘skala kbira’. Spjegat li l-hackers serqu API keys, 2FA codes u possibilment iktar informazzjoni. Binance spjegat li l-hackers wara dan l-attakk użaw metodi differenti biex wettqu din is-serqa fosthom l-użu ta’ viruses, phishing u attakki oħra li għadt iridu jiġu investigati. Sostniet li aktarx għadt hemm iktar kontijiet li kienu affettwati li għadt iridu jiġu iddentifikati.

Il-hackers irnexxilhom jisirqu iktar minn 7,000 f’bitcoin f’tranżazzjoni waħda li affettwat il- ‘hot’ wallet tal-kumpanija. Binance assigurat li kien biss dan il-wallet li ġie affettwat bl-attakk li sofriet fil-jum ta’ Tlieta, bil-wallets l-oħra huma siguri u ma ġralhom xejn.

Binance spjegat li l-azzjonijiet tal-hackers kienu pjanati sew u użaw numru ta’ kontijiet indipendenti f’ħin li huma qiesu bħala opportun. It-tranżazzjoni saret b’tali mod li għaddiet mill-kontrolli kollha tas-sigurtà tal-kumpanija iżda l-kumpanija ma rnexxiliex twaqqaf it-tranżazzjoni qabel ma laħqet saret.

Il-kumpanija infurmat li waqfet l-ġbid u d-depożitu ta’ flus b’mod immedjat. Spjegat li se tkun qed tirrevedi s-sigurità tas-sistema qabel ma terġa’ tħalli l-ġbid u d-depożiti jsiru. Huwa maħsub li din ir-reviżjoni tas-sistema se tieħu madwar gimgħa.

Binance kienet ħabbret li kienet se tmexxi l-operat tagħha lejn Malta f’Marzu 2018.

AQRA: “Il-kumpanija Binance se tiġi Malta u toħloq 200 impjieg” – PM

AQRA: Merħba f’Malta lill-kumpanija b’karta ħamra mill-Ġappun