€26 miljun fi ħlasijiet soċjali żejda

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ħallas €25.9 miljun żejda li minnhom €2.7 miljun ma jistgħux jinġabru lura.

Fl-aħħar rapport annwali mill-Awditur Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) sab li m’hemmx miżuri biżżejjed biex ma jħallux li jsir abbuż mill-assistenza soċjali. Barra minn hekk, l-ebda penali ma kienu mposti f’każijiet fejn l-applikanti jirċievu iktar milli jmisshom hekk kif dawn jissottomettu dikjarazzjonijiet foloz jew meta dawn ma jirrappurtawx tibdil fiċ-ċirkustanzi. Fil-kummentarju, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qal li saru suġġerimenti f’dan ir-rigward imma li xejn għadu ma beda jiġi indirizzat.

L-NAO awditja l-pensjoni tal-età li hi pensjoni mhix kontributorja li tingħata lil pensjonanti li jgħaddu l-means test u li l-assi tagħhom ma jammontawx għal iktar minn €14,000 (għal persuni single) jew €23,300 (għall-koppji).

Ir-rapport tal-NAO semma każ fejn raġel li ma ddikkjarax l-assi li permezz tagħhom kien jeċċedi l-limiti, ġie mħallas żejjed b’mhux inqas minn €78,087, peress li baqa’ jirċievi l-pensjoni għal 14-il sena.

“Ħafna drabi, dawn il-ħlasijiet żejda jkunu diffiċli biex tifdihom,” sostna l-NAO.

Sal-31 ta’ Diċembru, 2018, il-ħlasijiet żejda li ammontaw għal €2,047,444 ġew reġistrati f’pensjonijiet tal-età, li minnhom €619,607  tħallsu fl-2018.

Bħala prassi, dawk li tħallsu żejjed kienu jiġu infurmati li l-ammont żejjed li jkun ingħatalhom kellu jitnaqqas bil-ħlasijiet tagħhom, però din in-notifika ma kinitx tistaqsi għal rifużjoni b’mod speċifiku. L-NAO irrakkomanda li din it-talba tiġi inkluża fin-notifika. Però d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sostna li xi ħaġa bħal din tkun bażikament għalxejn. Dan minħabba li l-ħlasijiet żejda kienu jkunu dovuti mingħand nies li jiddependu fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, u għalhekk ma kellhomx il-mezzi li jipprovdu l-flus b’modi oħra.

L-NAO innota ukoll li ma kienx hemm proċedura formali li biha kienu jiġu riveduti il-files personali tal-benefiċjarji. Fil-fatt l-aħħar reviżjoni proprja ta’ files bħal dawn tmur lura għas-sena 2009. F’każ minnhom, l-istat ċivili ta’ benefiċjarju minnhom kien aġġornat iktar minn sittax-il sena wara l-mewta tas-sieħeb. Kien hemm ukoll każ fejn file ta’ benefiċjarju partikolari li kien ħaqqu pensjoni barranija minn data partikolari, ma ġietx imġedda qabel 18-il xahar wara.

Skont l-NAO, “kultant, dewmien ta’ dan it-tip iwassal għal ammont sostanzjali ta’ ħlasijiet żejda”.

L-NAO ħares ukoll lejn l-arritrati tad-dħul tal-2018, fejn elenkat li €25,867,263 kien dovuti minħabba ħlasijiet żejda f’benefiċċji tas-sigurtà soċjali għas-sena 2018.

L-akbar ammont – dak ta €13.5 miljun – kienu relatati mal-assistenza soċjali. Pensjonijiet tal-irtirar ammontaw għal €2.96 miljun, children’s allowance €2.39 miljun, benefiċċji tal-età għal €2.37 miljun, pensjonijiet tar-romol għal €1.73 miljun, assistenza medika għal €1.7 miljun, pensjoni tal-invalidità għal €633,220, pensjoni tad-diżabilità għal €298, 929 u benefiċċji short-term għal €328,467.

Total ta’ €2,720,004 ġew stmati bħala impossibbli biex jinfdew u li kienu ilhom dovuti lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali iktar minn 10 snin. €1,205,753 oħra kienu kkontestati fejn jidħlu debituri li kienu milħuqa b’ittri ġudizzjarji.