€250,000 f’taħriġ forensiku f’4 snin

Fl-aħħar erba’ snin ġew investiti €250,000 fit-taqsima forensika fil-Korp tal-Pulizija sabiex jingħata taħriġ lil iktar minn 40 membru. Dan it-taħriġ kienu eliġibbli għalih il-pulizija fil-klassifikazzjoni minn Kuntistabbli sa Spettur. Permezz ta’ dawn il-korsijiet huma setgħu jibqgħu aġġornati mal-aħħar avvanzi f’dan is-settur.

Matul wieħed minn dawn il-korsijiet li huma organizzati mill-Malta Laboratories Network attendew il-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista.

Il-Ministru Camilleri qal li l-forensika hija l-pedament fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiż demokratiku u għalhekk il-Korp tal-Pulizija jieħu l-miżuri meħtieġa biex isaħħaħ din it-taqsima. Il-Ministru Camilleri qal li beda l-proċess biex il-laboratorju forensiku jibda jopera minn binja ġdida li tkun aktar adattata skont is-servizzi offruti. Din il-binja se tkun skont l-istandards internazzjonali rikjesti sabiex tinkiseb l-akkreditazzjoni tal-proċessi kollha.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l-Malta Laboratories Network huwa impenjat li jappoġġja u jassisti lill-professjonisti forensiċi tagħna biex iżommu l-eċċellenza skond standards Ewropej.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li x-xogħol utli li sar matul l-aħħar xhur, se jwassal biex jiżviluppaw ċentru ta’ eċċellenza fix-xjenza forensika li jagħmel ġieħ lil Malta.