€2 miljun għar-riġenerazzjoni tas-Sirens wara 18-il sena

MTIP/MEDE/MJCL

Il-klabb akwatiku tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar se jiġi riġenerat wara 18-il sena għal pixxina u faċilitajiet oħra. Dan il-proġett se jiswa iżjed minn €2.2 miljun u huwa wieħed mit-22 proġett imħabbrin mill-Ministru Ian Borg illum.

Dawn il-proġetti se jsiru fi 13-il lokalità b’investiment ta’ iżjed minn €4 miljun, permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar. Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għas-Suq tal-Propjetà, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima.

Il-proġett tas-Sirens se jissarraf f’pixxina u faċilitajiet oħra bħal changing rooms, toilets, stands għall-ispettaturi, u se jiġi estiż ukoll l-użu tas-sit taħt l-art bl-inklużjoni ta’ gym u diving centre. L-aħħar investiment f’dan il-klabb sar fl-2001.

Fond bħal dan isir billi l-kunsilli lokali jressqu diversi proġetti sabiex jiġu ffinanzjati. F’sentejn ġew iffinanzjati 84 proġett.