€2.5 miljun għal skema ta’ sussidju ta’ kirja industrijali

Il-Ministru Silvio Schembri nieda l-iskema tas-Sussidju Industrijali tal-Kera għall-2020 b’allokazzjoni ta’ €2,500,000. Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, il-Ministru spjega li l-iskema se tkun qed tassisti lil kumpaniji u lis-self-employed biex jibdew jiżviluppaw u jespandu iżjed l-operat tagħhom billi jikru propjetà mis-settur privat.

Fi stqarrija kien spjegat li l-iskema se tkun miftuħa mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Diċembru tal-2022. Permezz tal-flus ta’ din l-iskema, negozji ġodda u persuni li jaħdmu għal rashom u jixtiequ jikru spazj industrija minn partijiet terzi se jkunu jistgħu jagħmlu dan. Dan sabiex ikollhom spazju biżżejjed biex iwettqu l-attività kummerċjali tagħhom, jimplementaw pjanijiet ta’ tkabbir, jimmaniġġjaw żieda fl-ordnijiet u jimplementaw innovazzjonijiet biex tiżdied l-effiċjenza.

Kien spjegat li l-baġit allokat għal din l-iskema hu immirat lejn kumpaniji, il-koperattivi u s-self-employed li jistgħu jibbenefikaw sa €75,000 f’sussidju tal-kera fuq 3 snin permezz ta’ għajnuna li tlaħħaq 50% tal-ispejjeż.

“Issa qed niffaċċjaw normalità ġdida li rridu nadattaw għaliha. Dan is-sussidju tal-kera se jservi ta’ opportunità biex inaqqas il-piż minn fuq l-komunità tan-negozju fir-rigward tal-kiri tal-bini u jippermettilhom jiġġeneraw attività ekonomika bi tpattija għall-investiment u għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda”, qal il-ministru.

L-applikanti eliġibbli għal din l-iskema għandhom ikunu involuti f’dawn l-attivitajiet operazzjonali: manifattura, tiswija ta’ makkinarju u tagħmir, manutenzjoni u tiswijiet ta’ vetturi bil-mutur u attivitajiet industrijali oħra.

Permezz tal-applikazzjoni, l-applikant għandu juri li matul is-sentejn fiskali ta’ qabel is-sena li fiha tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, kien qed jimpjega 100 jew inqas fuq kuntratt full-time u barra minn hekk, li d-dħul annwali tal-kumpanija ma qabiżx l-€10,000,000 fis-sentejn fiskali ta’ qabel is-sena li fiha ġiet sottomessa l-applikazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li l-Malta Enterprise se tkun qed tiddetermina l-valur tal-għajnuna, jekk ikun hemm, li se tingħata lir-rikorrenti. 

“Il-Korporazzjoni tista’ żżomm l-għajnuna kollha, jew parti minnha, jekk l-intrapriża (fil-livell ta’ grupp) tkun suġġetta għal kull inċentiv ieħor mogħti mill-Korporazzjoni. Id-deċiżjoni finali għandha tiġi komunikata lill-applikant, u l-applikanti għandhom jirċievu ittra ta’ approvazzjoni li tispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-għoti,” qal is-Sur Farrugia.

Il-formola tal-applikazzjoni tista’ titniżżel mill-portal tal-klijenti tal-Korporazzjoni. Il-gwida dwar il-mili tal-formola tal-applikazzjoni tista’ tinkiseb mill-ewwel negozju tal-kuntatt matul il-ħinijiet tal-uffiċċju jew permezz tal-email info.businessfirst@maltaenterprise.com.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn