Filmat: €19,000 miġbura minn Camini…amo għall-Caritas Malta

Total ta’ €19,000 ġew miġbura mill-parteċipanti ta’ Camini…amo għall-Caritas Malta.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet ta’ Caritas Malta fejn ġiet preżentata donazzjoni mingħand Camini…amo. Id-donazzjoni nġabret grazzi għall-vjaġġ li għamlu madwar 71 persuna dis-sena b’risq Caritas Malta.

Għadd ta’ persuni għamlu vjaġġ li beda lura f’Ottubru tal-2018. Huma għaddew minn taħriġ fejn apparti li bdew isiru familjari ma’ xulxin, preparaw ruħhom b’mod fiżiku għall-għan aħħari, dik li bil-proġett tagħhom jassistu għaqda li qed tagħmel il-ġid fis-soċjeta bi kwalunkwe mezz possibbli.

“Camini…amo jservi ta’ eżempju għall-bqija tal-Maltin”

Id-Direttur tal-Caritas Malta Dr Anthony Gatt spjega kif dawn il-persuni mhux talli ħadmu sabiex jiġbru l-fondi iżda wkoll iltaqgħu ma’ bosta persuni li qed jgħixu fil-propjetajiet differenti tal-għaqda, saru jafuhom u anke għenu fit-tisbieħ tal-istess djar. Tenna li bosta persuni li messew mad-droga jispiċċaw jemmnu li m’għandhomx valur, iżda inizjattiva bħal din turihom li huma importanti wkoll.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Gatt spjega li ma stenniex ġenerożità daqshekk kbira. Qal li Camini…amo għandu jservi bħala eżempju fis-soċjetà. Sostna li l-Caritas taprezza ħafna il-voluntiera u d-donaturi li bis-saħħa tagħhom tista’ tkompli l-ħidma. Qal li l-flus se jkomplu jgħinu sabiex is-servizz li jingħata fid-djar differenti tal-Caritas ikompli jissaħħaħ dejjem aktar.

“Il-ħames darba li qed nagħmlu din l-esperjenza”

Min-naħa tagħha, membru tat-tim ta’ sitt persuni li jmexxi l-għaqda Camini…amo, Danika Mifsud qalet li din hija l-ħames sena li fiha l-għaqda qed timplementa dan il-proġett. Ma’ Newsbook.com.mt Mifsud spjegat li ta’ kull sena tintgħażel NGO li jkollha bżonn sapport sabiex il-ħidma u l-flus li jinġabru jmorru għaliha. Spjegat li l-mod ta’ kif inġabru l-flus kien billi l-parteċipanti jħallsu l-ispejjeż tagħhom tal-10 ijiem li jqattgħu fi Spanja u jagħtu ftit iktar sabiex fl-aħħar tal-proġett tingħata somma flus lill-għaqda benefattriċi.

Kompliet tgħid li issa deħlin fi żmien ta’ preparazzjoni għas-sena d-dieħla u diġà għandhom lista ta’ persuni li se jipparteċipaw. Min jixtieq jipparteċipa jista’ jibgħat e-mail fuq caminiamo@gmail.com jew inkella jibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook.

Filmat: Miguela Xuereb