€160,000 f’kumpens lill-ġenituri li tilfu ‘l binhom minħabba d-droga

Arkivji

Il-ġenituri ta’ żagħżugħ li tilef ħajtu b’overdose tad-droga eroina, fil-Qorti ġew ikkumpensati s-somma ta’ €160,000 għad-danni li sofrew wara l-mewt ta’ binhom.

Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-Imħallef Francesco Depasquale kkunndanna lil Mario Magri jħallas is-somma ta’ €160,000 lill-ġenituri ta’ Adolf Farrugia li kien instab mejjet fuq sodda fil-garaxx ta’ missieru f’Ħal Safi f’Awwissu tal-1999. Il-Qorti ddikjarat li kien Magri li pprovda d-droga lil Farrugia.

F’Ottubru tal-2006, il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannat lil Maġri tliet snin ħabs u multa ta’ Lm2,000. Huwa kien instab ħati li bi traskuraġni kkważa l-mewt ta’ Farrugia. Din is-sentenza kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali f’Mejju 2009.

F’Ottubru tal-2009, il-ġenituri ta’ Adolf Farrugia fetħu kawża ċivili għall-kumpens għad-danni li sofrew. F’din il-kawża Magri qatt ma xehed u ddeċieda li jistrieħ fuq il-provi dokumentarji.

Fil-Qorti nstema’ kif Magri kien fil-garaxx ma’ Adolf Farrugia u flimkien ikkunsmaw id-droga eroina. Magri kien intilef minn sensih u wara li qam induna li sieħbu kien mejjet. Mill-provi mressqa fil-Qorti l-Pulizija qalet li kellhom indikazzjoni ċara li Mario Magri kien involut fil-mewt ta’ Farrugia wara li sitt snin wara Paul Busuttil għadda informazzjoni importanti lill-Pulizija.

Fil-Qorti ħareġ li Magri ltaqa’ ma’ Farrugia u flimkien kkonsmaw id-droga li kien xtara flimkien ma’ Paul Busuttil mingħand “iċ-Ċikli” dakinhar li seħħ il-każ. Kemm Magri kif ukoll Farrugia ntilfu minn sensihom wara li kkunsmaw id-droga, iżda meta ġie f’sensih Magri sab lil sieħbu mejjet u flok sejjaħ għall-għajnuna, mesaħ lil Farrugia biex ineħħi l-marki tas-swaba’ u ħarab mill-garaxx. Magri rema s-siringa u d-droga fi skip il-Mosta.

Fl-istqarrija tiegħu, Busuttil qal li Magri kien kellmu dwar dak li għamel u qallu li għamel hekk biex il-Pulizija ma jkollhomx provi li jistgħu jinkriminawh. Min-naħa tagħha l-Qorti ma kellha l-ebda dubju li d-droga kkunsmata minn Farrugia ngħatat minn Magri. Min-naħa l-oħra qieset ukoll li għalkemm Magri huwa responsabbli li pprovda d-droga lil Farrugia daqstant ieħor huwa responsabbli Farrugia li lesta d-droga u amministraha.

Il-Qorti filwaqt li sabet lil Magri responsabbli għall-mewt ta’ Farrugia, id-danni nflitti lilu ġew imnaqqsa min-nofs. Il-Qorti orndat li Magri jħallas is-somma ta’ €160,000 f’danni lill-ġenituri ta’ Farrugia.