€160,000 f’10 proġetti soċjali mis-salarju ta’ Claudio Grech

DOI - Jeremy Wonnacott

Il-Fondazzjoni Save a Life investiet €162,162 f’10 proġetti soċjali li qed jipprovdu opportunitajiet lil aktar minn 1,000 persuna biex jipparteċipaw attivament f’attivitajiet edukattivi, sportivi, soċjali u kulturali fost il-komunitajiet tal-ewwel distrett.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech waqqaf il-fondazzjoni seba’ snin ilu flimkien ma’ martu permezz tas-salarju u l-benefiċċju kollha Parlamentari.

Il-Membru Parlamentari llum ippreżenta r-rapport finanzjarju lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

DOI – Jeremy Wonnacott

Huwa stqarr li seba’ snin ilu ħa impenn personali biex permezz tal-irwol parlamentari iqajjem kuxjenza dwar il-problemi soċjali li huma kkawżati minn vizzji perikolużi u kif il-persuni fil-politika m’għandhomx jibqgħu passivi quddiem il-fatt li ż-żgħażagħ m’għandhomx skop utli f’ħajjithom jew saħansitra qed jitilfu ħajjithom.

Stqarr li l-fondazzjoni ħadmet biex wettqet azzjoni konkreta għall-dawn il-problemi soċjali. Matul dawn l-aħħar snin, il-Fondazzjoni ffukat fuq tliet proġetti ewlenin bl-għan li tilħaq lil aktar persuni. Dawn huma, proġett ta’ riċerka dwar il-problema tad-droga fin-nofsinhar tal-gżira, it-twaqqif ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni mid-droga u t-twaqqif ta’ programm strutturat maħsub biex jipprovdi appoġġ lil nisa tqal li qed jiffaċċjaw ċirkostanzi diffiċli matul it-tqala tagħhom.

 “It-twaqqif tal-Fondazzjoni kienet ħolma li għalina saret realtà. Ħolma li issa nixtiequ li tikber u ssir struttura indipendenti li tkompli l-operat tagħha billi tinbidel f’intrapriża soċjali li tiffoka fuq l-opportunità l itingħata tama ġdida lil żgħażagħ li tilfu triqithom u li għandhom bżonn ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ li jgħinhom jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba, biex b’hekk ħajjithom tkun suċċess. Meta nħares lura, l-esperjenzi li kelli f’dawn il-proġetti huma dawk li jtuni l-aktar sodisfazzjon meta nħares lura lejn il-ħajja politika tiegħi”

MP Claudio Grech

L-għaxar proġetti sostnuti mill-Fondazzjoni huma:

  • L-estensjoni tal-binja tan-nursery tal-Hamrun Spartans biex jiġu pprovduti faċilitajiet addizzjonali għat-tfal li jattendu t-taħriġ f’dan il-klabb, u għall-ġenituri tagħhom;
  • L-iżvilupp ta’ klassi virtwali fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ Preca fil-Belt Valletta, li tipprovdi ambjent ta’ tagħlim virtwali avvanzat 1-2-1 lit-tfal li jattendu l-iskola primarja;
  • It-twaqqif ta’ Skola Interattiva tal-Mużika fis-Soċjetà Filarmonika Vilhena, fil-Furjana, bl-għan li jinħoloq ambjent attraenti għat-tagħlim tal-mużika; 
  • Il-ħolqien tal-Akkademja Kulturali Pawlina, fil-Belt, biex jitwaqqaf qafas ta’ inizjattivi bl-għan li jissaħħaħ l-impenn soċjali ta’ tfal u żgħażagħ fil-komunità tagħhom;
  • Ħidma konġunta mal-Għaqda Festi Esterni San Duminku, għall-iżvilupp ta’ programm sabiex jerġgħu jitrawmu l-ħiliet artiġġjanali tradizzjonali fost iż-żgħażagħ fil-Belt Valletta.
  • Sħubija mal-Fondazzjoni Tagħba biex jitwaqqaf ‘Teen Klabb’ – grupp li jipprovdi għajnuna akkademika wara l-ħin tal-iskola lit-tfal tal-Belt;
  • Sħubija mas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp fil-Ħamrun, biex titwaqqaf akkademja mużikali u jsir titjib infrastrutturali li jiżguraw is-sostenibilità fit-tul tal-Akkademja;
  • Ħidma mal-Għaqda Festa tal-Madonna ta’ Fatima, biex jiġi żviluppat program ta’ ħiliet artiġġjanali għaż-żgħażagħ fil-Pietà u biex jingħata appoġġ volontarju lis-Sorijiet tal-Ursolini;
  • F’kollaborazzjoni mas-Soċjetà Filarmonica Nazionale La Valette fil-Belt Valletta, il-Fondazzjoni qed tappoġġa l-iżvilupp ta’ programm mużikali edukattiv sabiex it-tfal jiġu involuti fis-soċjetà u l-komunità (proġett li qed jiġi żviluppat);
  • Fi sħubija mal-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità fil-Marsa, qed tiġi żviluppata faċilità ta’ workshop fil-lokalità flimkien ma’ programm għat-taħriġ ta’ ħiliet artiġġjanali u xogħolijiet tradizzjonali għaż-żgħażagħ fil-Marsa, li għandu jservi wkoll bħala miżura biex tiffaċilita l-integrazzjoni tat-tfal migranti (proġett li qed jiġi żviluppat).