€130,000 għall-għaqda li tgħin lill-ommijiet biex isalvaw lit-trabi

Read in English.

Il-Fondazzjoni ‘Life Network’ li tmexxi d-Dar tgħanniqa ta’ Omm ngħatat €130,000 mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.

Din id-dar tilqa’ fiha ommijiet li jkunu qegħdin jikkunsidraw abort. Din is-somma allokata mill-Gvern se tkun qiegħda tingħata fuq tliet snin u se jkun tkopri l-pagi tal-ħaddiema, manutenzjoni tal-post, spejjeż ta’ kuljum, taħriġ u appoġġ fost l-oħrajn.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-idea ta’ dan il-ftehim soċjali, nibet wara żjara li kien għamel f’Jannar li għadda. Il-Ministru semma kif dakinhar huwa baqa’ impressjonat bil-każijiet ta’ abort li jsiru barra mill-Gżejjer Maltin.

Dan il-ftehim sar għall-ewwel darba mal-fondazzjoni u se jkun qiegħed  iwettaq programmi u eżerċizzji, sabiex jgħin nisa li qegħdin jistennew tarbija.

Il-Fondazzjoni Life Line Malta wettqet 570 siegħa ta’ counselling ma’ nisa tqal, ipprovdiet 38 donazzjoni lil familji fi bżonn ta’ affarijiet bażiċi, assistew ħames ommijiet matul il-programm ta’ maternità, erba’ trabi kienu mwielda fix-shelter, filwaqt li qegħdin jassistu disa’ nisa illi qegħdin jistennew tarbija fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan il-ftehim soċjali huwa wieħed fost it-48  li dan il-ministeru għandu ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, u dan se jkompli jiġġedded minn sena għal oħra.