€13.6m f’fondi Ewropej biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri

Malta-international-airport
Miguela Xuereb

Bl-għajnuna ta’ €13.6 miljuni minn fondi Ewropej, il-Korp tal-Pulizija qiegħed iniedi numru ta’ proġetti bil-għan li jissaħħu l-fruntieri tal-pajjiż.

Dawn il-fondi ġew użati għal 4 proġetti, bi €3.4 miljun imorru għall-European Travel Information and Authorisation System (ETIAS), li tkun qed tilqa’ l-applikazzjonijiet għal dawk il-persuni ġejjin minn pajjiżi terzi. L-ETIAS tipprovdi assessjar tar-riskju ta’ applikanti fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk tikkonferma jekk persuni humiex deħlin illegalment, filwaqt li stati membru jkunu avżati dwar persuni mfittxija minħabba talbiet ta’ estradizzjoni, persuni rrapurtati nieqsa u raġunijiet oħra.

€6.4 miljun qed jintefqu fuq l-Entry/Exit system li se tikkumplimenta l-ETIAS, li se tirreġistra l-persuni kollha li qed jivvjaġġjaw minn pajjiżi terzi fid-dħul u l-ħruġ tagħhom mill-fruntieri esterni tal-UE.

Ġew allokati wkoll €1.2 miljun għas-Schengen Information System, li hi sistema kbira ta’ informazzjoni mħaddma fl-istati membri li ssaħħaħ il-koperazzjoni fl-oqsma tal-kontroll fuq il-fruntieri u l-infurzar tal-liġi.

Riċentement ġew approvati wkoll €2.67 miljun li se jintużaw biex jingħata taħriġ lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija biex jitħarrġu aktar fis-sistemi ta’ kontroll tal-fruntieri, flimkien m’ xiri ta’ apparat teknoloġiku.

 F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li dawn il-proġetti kienu xhieda oħra ta’ kif minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, ir-ritmu tax-xogħol ma waqafx.

“Qed naraw li nippreservaw bilanċ tajjeb lejn ir-rispons meħtieġ għall-isfidi li għandna quddiemna fil-qasam tas-sigurtà filwaqt li nipproteġu l-libertà li wieħed jivvjaġġa fejn jixtieq fiż-Żona Schengen,” sostna Camilleri.