€126,000 għas-safar ta’ Muscat fl-aħħar ġimgħat

Read in English.

Fl-aħħar xahrejn tiegħu bħala Prim Ministru, Joseph Muscat nefaq is-somma €126,099 f’safar.

Għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Prim Ministru attwali Robert Abela qal li s-somma intefqet fuq safar, vjaġġi u lukandi barra minn Malta bejn Novembru u Diċembru 2019 u Jannar 2020.

Dawn iż-żjarat ħolqu kontroversja politika kbira minħabba li saru fiż-żmien ta’ taqlib politiku wara li l-Pulizija kienet arrestat lin-negozjant Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat kien ħabbar fl-1 ta’ Diċembru 2019 li wara li jintgħażel Kap tal-Partit Laburista ġdid kien se jirriżenja minn Prim Ministru.

L-aħħar impenji ta’ Muscat wara din id-data kienu summit tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, żjara fl-Italja u viżta privata mal-Papa Franġisku. Matul dan il-perjodu, kien ġie żvelat mill-midja li Muscat siefer lejn id-Dubaj fis-27 ta’ Diċembru iżda skont il-Gvern il-PM mar fuq btala privata. Kellu wkoll safra li qatt ma ġiet ikkonfermata lejn Londra ftit tal-jiem wara.

Minflok mar Londra l-PM Joseph Muscat aħjar mar id-Depot tal-Pulizija biex iwieġeb dwar ir-rigali lussiżi li rċieva, kien qal il-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien.