€120,000 se jingħataw lil 70 ħaddiem f’arretrati

70 ħaddiem se jkunu qed jieħdu bejniethom 120,000 f’arretrati wara investigazzjoni li saret mid-Dipartiment tar-Relazjonijiet Industrijali u tal-Impjieg f’każ ta’ irregolaritajiet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ numru ta’ ħaddiema barranin fosthom tnaqqis sostanzjali fil-paga b’riskju ta’ prekarjat.

Fis stqarrija d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg spjega li fi tliet ġimgħat ikkonkluda b’suċċess dan il-każ wara li kiseb id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni meħtieġa u seta’ jikkalkula l-arretrati dovuti. Huma kellhom ukoll laqgħat ta’ medjazzjoni mat-tmexxija tal-kumpanija konċernata.

Id-Dipartiment qal li jixtieq iserraħ moħħ dawk kollha li jikkontribwixxu għas-suq tax-xogħol li kull każ ta’ allegat abbuż jew ta’ ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema jiġi trattat bis-serjetà jagħmu minn kollox biex jiġi solvut fl-iqsar żmien possibli.

Żiedu li din is-sena diġà kellhom madwar 300 investigazzjoni li saru biex jiddefendu d-drittijiet ta’ kull ħaddiem, kemm Malti kif ukoll barrani.

Id-Dipartiment ħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni jew lil min hu vittma ta’ abbuż jew ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu jew tagħha biex jersqu ’l quddiem u jagħmlu rapport mal-istess dipartiment.

Newsbook.com.mt bagħat il-mistoqsijiet tiegħu lill-kelliem tal-Ministeru għal iktar dettalji dwar dan il-każ.