€12-il miljun investiment f’apparat mediku mill-bidu tal-pandemija

Minn meta feġġet il-pandemija tal-Covid-19, il-Gvern investa €12-il miljun f’apparat mediku. Dan ħareġ fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru wara żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela lid-Dipartimet tal-Biomedical Engineering fl-Isptar Mater Dei.

Fi stqarrija kien spjegat li dan id-dipartiment huwa responsabbli mill-apparat mediku fl-Isptar Mater Dei li jammonta għal madwar €120 miljun. Intant matul il-pandemija, il-Gvern investa madwar €12-il miljun f’apparat mediku sabiex jinxtraw ventilators, vital sign monitors, ultrasound machines, pulse oximeters, termometri (tip infra-red), sodod u apparat ieħor ikkunsidrat utli għall-pazjenti li ntlaqtu mill-Covid-19.

Kien spjegat kif id-domanda fuq dan id-dipartiment żdiedet matul din is-sena u l-ħaddiema kellhom ukoll jaddataw u jirreaġixxu b’effett immedjat skont il-ħtieġa sabiex l-apparat il-ġdid li nxtara jkun installat mingħajr dewmien żejjed. Minħabba f’hekk, dawn il-ħaddiema kellhom ikunu preżenti kontinwament fl-isptar, bħala frontliners, biex jassiguraw li l-isptar jibqa’ jiffunzjona kif mistenni anke fiż-żmien il-pandemija. Intqal kif mingħajr is-sehem u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema li jiffurmaw parti minn dan id-dipartiment, l-isptar u d-dipartimenti l-oħra kollha ma kinux ikunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod normali u b’konsegwenza t’hekk ma setgħetx tkun tista’ tingħata l-assistenza neċessarja lill-pazjenti.

Flimkien mal-Prim Ministru, attenda għal din iż-żjara l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.