€117,000 paga fis-sena għall-Kap Eżekuttiv tal-MFSA

Read in English.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) għandu paga ta’ €117,000 fis-sena.

Hu kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li staqsa dwar il-pagi tal-Kapijiet Eżekuttivi tal-Freeport u tal-Freeport Terminals, l-Air Malta, l-ARMS u l-MFSA.

Il-Ministru Scicluna qal ukoll li l-istess Kap Eżekuttiv jista’ jieħu performance bonus sa massimu ta’ 20% tal-paga fis-sena. Intant hu qal li l-pagi tal-entitajiet l-oħrajn għandhom isiru f’domandi parlamentari oħrajn indirizzati lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA huwa Joseph Cuschieri. Hu kien ingħata dan l-irwol mill-Bord tal-Governanti fl-2018. Il-kariga tiegħu kienet daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ April tal-2018. Hu jagħmel ukoll parti mill-Bord tal-Governanti tal-Awtorità nnifisha.