€10,000 multa għal min ikollu l-coronavirus u joħroġ

Miguela Xuereb

Read in English.

Min suppost ikun qed jiżola ruħu peress li jkollu l-coronavirus iżda joħroġ xorta waħda issa se jeħel multa ta’ €10,000 kull darba li jikser din l-ordni.

Dan tħabbar fil-bulletin li jibgħat il-Gvern lill-midja kull filgħaxija bl-aħħar aġġornamenti fuq il-Covid-19.

Ġie spjegat li persuni li jkollhom il-virus tal-Covid-19, u m’għandhomx għalfejn ikunu l-isptar, bilfors iridu joqogħdu f’iżolament taħt osservazzjoni medika. Sal-lum kien hemm multa ta’ €3,000 għal kwalunkwe persuna li għandha tkun kwarantina u tikser dan l-obbligu. Permezz ta’ avviż legali ġdid, li għadu se jiġi ppubblikat, se tiġi introdotta l-multa ta’ €10,000 għal persuni li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus u ma jirrispettawx l-obbligu ta’ iżolament.

Fit-303 spezzjonijiet f’Malta u t-28 spezzjoni f’Għawdex li saru fl-aħħar 24 siegħa, inqabdet persuna waħda tikser il-kwarantina mandatorja.

Illum tħabbar illi 17-il pazjent ieħor instabu pożittivi għall-Covid-19 minn 304 testijiet li saru fl-aħħar sigħat, biex b’hekk it-total ta’ persuni li rriżultaw pożittivi għall-virus huwa ta’ 107.

Il-pazjenti kollha huma f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba, inkluż l-anzjan ta’ 61 sena li kellu jiddaħħal l-ITU minħabba kumplikazzjonijiet ta’ pulmonite. 10 mis-17-il każ ġodda huma ta’ nies li siefru jew kellhom kuntatt ma’ persuni infettati li kienu msefrin. Qed jiżdiedu wkoll każi ta’ trażmissjoni fil-komunità.

S’issa saru 2,106 testijiet fil-komunità u 993 test ieħor fil-bieb ta’ Mater Dei.

Mil-lum, daħlet fis-seħħ il-miżura l-ġdida tal-Gvern biex il-ħwienet li joffru servizzi jew ibigħu oġġetti mhux essenzjali ma jiftħux. Apparti hekk, l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb, iċ-ċinemas u aktar komplew iħarsu l-miżura biex jibqgħu magħluqin.

Ilbieraħ saru fuq 1,000 spezzjoni f’Malta u Għawdex iżda l-ebda stabbiliment ma nqabad miftuħ. B’kollox s’issa saru mat-3,400 spezzjoni.

Fil-bulettin tal-lum, il-Gvern għamel appell biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Il-Gvern avża li, “L-anzjani jibqgħu d-dar; ma noħorġux bla bżonn minn darna; ma nitħalltux fejn hemm ħafna nies; naħslu jdejna ta’ spiss. Fejn nistgħu naħdmu mid-dar bi qbil ma’ min iħaddem. Ir-ristoranti u l-istabbilimenti jibqgħu magħluqa. Fuq kollox min hu fi kwarantina jibqa’ fi kwarantina. Mhux sew li l-aġir irresponsabbli tal-ftit jagħmel suf il-ħidma qawwija li qed issir kuljum mill-awtoritajiet tas-saħħa biex irażżnu l-imxija. L-aġir tagħna huwa l-akbar arma kontra t-tixrid tal-virus. Kulħadd irid jagħti sehmu.”

X’inhuma l-helplines tal-Gvern dwar il-coronavirus?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni;
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447 – Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 225903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix).
  • 25469111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming.
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-pakkett finanzjarju lill-industriji; intrapriżi u self-employed.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn