€10 miljun għal 8 ċentri tas-saħħa u 54 berġa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, ippresedew fuq l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali u d-Dipartiment tal-Kura Primarja li permezz ta’ dan il-Fond għall-Iżvilupp se jkun qed jgħaddi €10 miljun lid-Dipartiment tal-Kura Primarja biex jintużaw fi tmien ċentri tas-saħħa u 54 berġa.

Fost iċ-ċentri tas-saħħa li se jkunu qed jibbenefikaw minn dan, hemm iċ-ċentru tal-Gżira li fuqu biss se jkunu qed jintefqu madwar €1.5 miljun f’xogħlijiet ta’ rinovazzjoni. Il-Prim Ministru qal li l-qasam tas-saħħa jorbot mat-tema ċentrali tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu, qasam li fih sar progress tul is-snin.

Min-naħa tiegħu Fearne qal li llum il-qasam tas-saħħa f’Malta jikkwalifika fost l-aqwa għaxra fid-dinja. Hu qal li bħalissa hemm għaddej programm estensiv ta’ ħidma fuq tmien ċentri tas-saħħa u fuq il-bereġ tas-saħħa.