€1 miljun mill-Gvern għal Hospice Malta

DOI - Jason Borg

Read in English.

Il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali ffirma ftehim soċjali b’finanzjament ta’ madwar €1 miljun ma’ Hospice Malta.

Fi stqarrija kien spjegat li kienet inizjattiva tal-Ministru Michael Falzon inniffsu li wasslet għall-issiġillar ta’ dan il-ftehim. Permezz tiegħu din l-NGO se tkun qed issaħħaħ is-sapport psikoloġiku mogħti lill-qraba ta’ dawk morda b’mard terminali filwaqt li tinvesti wkoll fil-professjonisti li jaħdmu magħhom.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan huwa l-ewwel ftehim ma’ din l-NGO u ż-żmien li sar dan il-ftehim huwa wieħed f’ħin opportun, fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19, li b’mod indirett ġabet aktar pressjonijiet fuq organizzazzjonijiet bħal dawn minħabba nuqqas ta’ donazzjonijiet u ta’ fundraising.

Hospice Malta tgħin mal-1,300 familja u tiltaqa’ ma’ madwar 60 każ ġdid kull xahar. Din l-NGO tipprovdi appoġġ lil dawk il-persuni li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ mard serju bħal kanċer, motor neuron desease, mard respiratorju, tal-fwied u kumplikazzjonijiet oħrajn.