€1.4 miljun f’bejgħ tal-lampuki fl-2017

MESDC

Il-bejgħ tal-lampuki fl-2017 qabeż il-€1.4 miljun.

Fi stqarrija, is-Segretarjat għas-Sajd qal li kważi 17,000 kannizzata se jiġu ppreparati mis-sajjieda biex nhar l-Erbgħa jibda l-istaġun tal-lampuki. L-istaġun jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru.

B’kollox id-Dipartiment tas-Sajd irċieva 114-il applikazzjoni. Għalhekk din is-sena, l-istaġun huwa magħmul minn 114-il rimja imqassmin fi 11-il distrett madwar Malta u Għawdex. L-aktar frekwentati huma Marsaxlokk, Wied il-Għajn, San Pawl il-Baħar, u x-Xlendi f’Għawdex.

Id-Direttur Ġenerali tas-Sajd Dr Andreina Fenech Farrugia qalet li l-liċenzja tas-sajd għal-lampuki, apparti li tagħti privileġġ, twassal għal diversi obbligi importanti li jridu jkunu mwettqa sabiex is-settur jiġi protett. Is-sajjieda jinfurmaw lid-Direttorat meta jkunu se jidħlu lura l-port sabiex iħottu u jiddikjaraw il-qabda tagħhom quddiem uffiċjali tad-Direttorat.