Dybala u Maldini infettati bil-coronavirus

Il-plejer ta’ Juventus Paulo Dybala u l-eks captain tat-tim Taljan Paolo Maldini rriżulta li għandhom il-coronavirus. F’messaġġ fuq Instagram Dybala qal li hu u s-sieħba tiegħu, it-tnejn għandhom il-coronavirus imma jinsabu tajbin.

Id-direttur tekniku ta’ AC Milan Maldini u ibnu Daniel, it-tnejn irriżultaw pożittivi għat-test li għamlu. Dan ħabbruh il-klabb ta’ AC Milan. Il-klabb żied jgħid li Daniel Maldini li għandu 18-il sena kien qed jittrenja mal-ewwel tim ta’ AC Milan. Il-klabb stqarr li Daniel u missieru għamlu ġimgħatejn fi kwarantina d-dar u se jibqgħu fi kwarantina sakemm jgħaddilhom għal kollox.

Dybala huwa t-tielet plejer ta’ Juventus li kien ikkonfermat li għandu l-coronavirus, wara li kien ikkonfermat li għandhom il-virus Daniele Rugani u Blaise Matuidi.