Dwar l-abort u l-ewtanasja l-PN jgħid li għadu jaħsibha l-istess

Il-Partit Nazzjonalista qed isostni li l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abort u l-ewtanasja għadha l-istess u jisħaq li hu favur il-ħajja.
Fi stqarrija, il-PN spjega kif waqt il-Konvenzjoni Ġenerali fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, sar suġġeriment minn wieħed mill-parteċipanti, fejn appella lill-partit biex ikun infurmat dwar diversi kwistjonijiet soċjali, sabiex jekk jitqajmu jkun preparat. Dan sabiex f’din l-eventwalità, il-Partit ikun jista’ jiddiskuti b’mod matur.
Il-Paritit Nazzjonalista saħaq li dan kien biss suġġeriment, u mhux bidla fil-pożizzjoni tal-partit dwar l-abort u l-ewtanasja.
Ir-reazzjoni tal-PN ħarġet wara li l-għaqda Gift of Life esprimiet it-tħassib tagħha dwar dik li sejħet ‘is-sejħa tal-Konvenzjoni tal-PN biex jiġi diskuss l-abort u l-ewtanasja.”
Il-Gift of Life qalet ukoll li tinsab imħassba bis-sinjali kunfliġġenti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-pożizzjoni tiegħu. L-għaqda sostniet li mhix konvinta li ‘biex ikunu infurmati aktar’ kien l-uniku mottiv għad-diskussjoni.