Filmat: “Duru lejn Alla bil-mistoqsijiet tagħkom, speċjalment waqt il-pandemija” – L-Isqof Teuma

X'Milied ġej fuqna?

L-Ittra Pastorali li l-Isqof Anton qed jibgħatilna dan l-Avvent se tiġi mqassma mal-Bullettin ta’ dan il-Ħadd.Fl-erba’ Ħdud tal-Avvent l-Isqof se jmexxi Lectio Divina dwar il-Vanġelu tal-Ħadd li tista’ tiġi segwita minn fuq din il-Paġna jew minn fuq Xejk TV.Jekk fl-Ittra Pastorali l-Isqof iqiegħed ħafna mistoqsijiet dwar dan iż-żmien li qed ngħixu, tul ir-riflessjonijiet dwar il-Vanġelu se jgħinna nwieġbu għalihom…

Posted by Diocese of Gozo on Wednesday, November 25, 2020

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma ħeġġeġ lill-Insara biex iduru lejn Alla bil-mistoqsijiet u x-xewqat tagħhom, speċjalment waqt il-pandemija tal-Covid-19.

F’ittra pastorali moqrija fil-knejjes nhar il-Ħadd li għadda, l-Isqof indirizza t-tħassib ta’ diversi sferi tas-soċjetà b’rabta mal-imxija tal-coronavirus.

Lill-familji bit-tfal fl-iskola, qalilhom li jifhem li huma mħassbin fuq x’jista’ jiġri jekk uliedhom ma jimxux mal-miżuri kontra l-virus, lit-tfal qalilhom li jifhem li huma jinkwetaw dwar x’jista’ jiġri lill-ġenituri jew nanniet tagħhom, lill-għalliema wriehom apprezzament li jpoġġu ħajjithom fir-riskju biex jaqdu dmirhom. Huwa indirizza wkoll liż-żgħażagħ, lill-għarajjes, lill-ħaddiema, lill-anzjani, lill-morda u lill-ħaddiema tas-saħħa, filwaqt li elenka x’jaf inhu t-tħassib ta’ kull wieħed minn dawn il-gruppi.

Lil dawk li għandhom il-Covid-19 jew li qegħdin kwarantina, qalilhom “żgur li tgħaddu minn ħafna mistoqsijiet u emozzjonijiet: Għaliex jien? Kif ħadtha? Lil min stajt għaddejtha? Kemm se taqbadni bil-qawwi? Kif inkun naf li qed jgħaddili? X’jgħidu dwari dawk li jafuni? Meta se nfiq?” Qal li quddiem sfidi bħal dawn, nistgħu ngħixu l-pandemija bħala ħolma kerha li rriduha tgħaddi malajr, nistgħu ngħixu f’biża’ u paniku esaġerat, jew bħallikieku mhu jiġri xejn straordinarju.

Mons. Teuma fisser li jeħtieġ li ma nifgawx id-dubji u l-inċertezzi li jiġu fuqna b’risposti faċli, imma nduru bihom lejn Alla.

Ħeġġeġ lin-nies biex jgħixu dan il-mument billi jieqfu mill-ġirja sfrenata tal-ħajja ta’ kuljum u jirriflettu u jistaqsu. “Fi kliem ieħor, nagħtu ċans lil moħħna jaħseb u lil qalbna tħoss! Ma nifgawx mill-ewwel id-dubji u l-inċertezzi tagħna b’risposti faċli jew bl-istordiment ta’ dak li għandna x’nagħmlu!”

L-Isqof indirizza d-dubji ta’ ħafna u qal: “Jista’ jkun li fl-idea tagħna, Alla, biex ikun Alla tassew, għandu jagħmel dak li nixtiquh aħna, fost l-oħrajn iwaqqaf malajr il-Covid? Jista’ jkun li meta ma jiġrix hekk, aħna malajr nikkonkludu li “temmen għalxejn!”, ma jeżistix, jew li ma jimpurtahx minna? Jista’ jkun li fiż-żmien meta nkunu sew, Alla jkun magħna, imma sieket u moħbi? Jista’ jkun li l-ġid li jkollna mhux għajr frott tal-providenza tiegħu? Jista’ jkun li hu ma jagħmilx storbju, biex ma jtaqqalniex bil-piż li rridu nħobbuh lura? Jista’ jkun li l-ħajja, is-saħħa, il-familja, il-ħbieb, il-ġid… huma kollha rigal tiegħu, minn dejjem, anki meta ninsew?”

Għaldaqstant, huwa inkoraġġixxa lill-Insara biex iduru lejn Alla sabiex dan iwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Partikolarment fiż-żmien tal-Avvent, huwa ħeġġeġ lin-nies biex ma jibżgħux jistaqsu u jippreżentaw ix-xewqat tagħhom lil Alla.