D’Urso mingħajr udjenza fl-istudjo minħabba fil-Coronavirus

Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

Il-puntata tal-lejla tal-programm Live! Non è la D’Urso fuq Canale 5 hi waħda differenti mis-soltu. F’kull programm il-preżentattriċi jkollha studjo mimli bin-nies li jmorru biex jassistu għal dak li jkun għaddej b’mod dirett.

Iżda minħabba li l-Coronavirus qed jinfirex u l-Italja issa huwa t-tielet pajjiż l-aktar milqut minn dan il-virus, qed jevitaw li jkollhom għadd kbir ta’ nies li jkunu miġbura f’post wieħed, f’dan il-każ fi studjo magħluq.

Fil-programm tal-lejla mistenni jidher l-attur Tork Can Yaman filwaqt li fil-bidu tal-programm sar kollegament mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte li spjega s-sitwazzjoni kif f’bosta reġjuni ngħalqu l-iskejjel, ċinema, ristoranti u bosta postijiet li fihom jinġabru ħafna persuni.

Anki l-programm tar-RAI Che Tempo Che Fa li jitwassal b’udjenza fl-istudjo, illejla qed jitwassal bil-preżentatur Fabio Fazio waħdu fl-istudjo.