Duq l-istorja bnina Maltija fi Brussell!

Jekk tgħix jew se tkun fi Brussell, tista' dduq l-istorja u l-kultura sinjura Maltija.
Dan hekk kif Malta, bħala territorju mħallat bejn art u baħar, se tkun irrappreżentata f'wirja 'Malta – land of sea', li se tittella' fi Brussell.
Il-wirja se tkun miftuħa bejn is-17 ta' Frar u t-28 ta' Mejju 2017 fiċ-Ċentru tal-Arti tal-BOZAR fi Brussell, bħala parti mill-attivitajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Hi se tkun maqsuma f'10 sezzjonijiet, li jinkludu iktar minn 60 biċċa xogħol tal-arti u artefatti li jkopru minn żmien il-preistorja sal-kontemporanju.
Uħud mill-esebiti jistgħu jitgawdew waħedhom, filwaqt li oħrajn jistgħu jiġu esplorati ma' oħrajn u b'hekk permezz tal-preżentazzjoni, wieħed jista' jifhem aħjar l-istorja u l-għeruq tal-gżira mal-milja tas-snin.
Għal iktar tagħrif dwar din il-wirja tista' żżur is-sit ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org, il-paġna uffiċjali tal-avvenimenti kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, www.reunion.org.mt, jew taċ-Ċentru tal-Arti tal-BOZAR, http://www.bozar.be/en/activities/121409-malta-land-of-sea.