Duo Malti b’mużika trance fix-xena internazzjonali

Dan l-aħħar id-duo Malti New Even magħmul minn Renè u Ernest ħarġu single ġdida bl-isem ta’ Orange Blue li nstemgħet fuq ir-radju waqt il-programm ta’ Armin Van Buuren li huwa meqjus bħala d-DJ numru wieħed tat-trance fid-dinja. Id-duo jqis din id-diska bħala pass ’il quddiem fil-karriera tagħhom bħala producers tal-mużika.

It-track hija spirata minn inżul ix-xemx f’Malta li fiha tinstema’ l-vuċi tal-kantanta Maltija Talitha li tgħaqqad flimkien il-ħsejjes elementari li wieħed isib fuq diska stil trance pura. Vuċijiet ħelwin jinstemgħu tul id-diska kollha li jikkumplimentaw il-mument perfett meta żewġ maħbubin jgħannqu lil xulxin waqt li jħarsu lejn inżul ix-xemx x’ħin is-sema tinbidel fil-kuluri msaħħra ta’ blu u oranġjo.

Id-duo huma mdaħħlin sew fil-mużika klassika fejn ingħaqdu flimkien fl-2006 biex joħolqu ħsejjes innovattivi influwenzati mill-mużika progressiva u dik trance. L-ewwel singles tagħhom ħarġuhom fis-sena ta’ wara taħt l-isem ta’ RE-NE & ER li daħħlithom fix-xena tal-mużika lokali.

Minn hemm ’il quddiem l-imħabba għall-mużika elettronika  kompliet tikber u ħadmu biex jilħqu livell internazzjonali. S’issa diversi tikketti tad-diski ħarġulhom tracks tagħhom fosthom ONYC Noir, Blue Soho Recordings, CloudLand Music, Trance Temple Records u Exia Recordings.

Sa nhar il-Ħamis 12 ta’ Settembru wieħed jista’ jivvota għal Orange Blue bħala d-diska trance għall-futur billi jidħol fil-link astateoftrance.com/futurefavorite/