“Dun Mikiel kien ġawhra tal-kleru Għawdxi”; 60 sena mill-Ordinazzjoni

Skont dak li ddeskrivieh l-Isqof Nikol Cauchi fil-funeral tiegħu, Dun Mikiel Attard kien “ġawhra” għall-kleru Għawdxi. Dan intqal fi stqarrija mid-Djoċesi ta’ Għawdex hekk kif ħabbret li se tkun qed tmexxi numru ta’ ċelebrazzjonijiet biex ifakkru s-60 sena mill-Ordinazzjoni presbiterali ta’ Dun Mikiel.

Dun Mikiel huwa l-ewwel iben fost għaxart aħwa minn familja ta’ bennej min-Nadur Għawdex. Hu kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Ġużeppi Pace fil-Katidral tal-Assunta, flimkien ma’ sitt saċerdoti oħra.

Fl-istqarrija ġie spjegat kif fil-ħajja saċerdotali tiegħu dejjem wera ħeġġa partikolari għall-appostolat u dedikazzjoni għat-talb. Wera determinazzjoni soda fl-għażliet tiegħu kif ukoll entużjażmu ferrieħi għall-aġġornament tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Bena ħbiberija sinċiera ma’ ħutu s-saċerdoti kollha u serva ta’ akkumpanjament siewi lis-seminaristi fil-formazzjoni tagħhom. Hu kellu mħabba kbira lejn il-missjoni u rassenjazzjoni qaddisa fil-marda tiegħu fl-aħħar snin ta’ ħajtu.

Dun Mikiel miet fl-2004, iżda minn dejjem kellu fama ta’ qdusija, tant li l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech, wara biss sitt snin minn mewtu, fuq talba ġenerali tal-kleru, waqqaf il-proċess kanoniku tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tiegħu.

Dan l-anniversarju se jiġi mfakkar permezz ta’ tliet ċelebrazzjonijiet:

  • L-Isqof Mario Grech se jmexxi Konċelebrazzjoni djoċesana, nhar is-Sibt 6 ta’ April, fis-6.30pm, fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, li kien tant għażiż għal Dun Mikiel;
  • Nhar il-Ġimgħa 12 ta’ April, il-ġurnata tal-anniversarju, se ssir quddiesa fi tmiem il-Pellegrinaġġ tad-Duluri, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, fis-7.00pm;
  • L-għada s-Sibt 13 ta’ April, fid-9.00am, l-Isqof se jiċċelebra quddiesa oħra fuq il-qabar ta’ Dun Mikiel, fil-Kappella taċ-Ċimiterju l-qadim tan-Nadur.