“Dun Mikiel huwa s-saċerdot ewlieni għall-kanonizzazzjoni” – L-Isqof t’Għawdex

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li minkejja li fid-djoċesi t’Għawdex hemm diversi saċerdoti li huma kanonizzabbli, Dun Mikiel huwa l-ewlieni. Dan qalu waqt li s-Sibt li għadda kien qed imexxi quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu, fl-okkażjoni tas-60 anniversarju presbiterali ta’ Dun Mikiel Attard. It-Tribunal tal-Knisja wasal biex dalwaqt jikkonkludi l-fażi djoċesana tal-istħarriġ li sar dwaru.

L-Isqof Grech, li bħal ħafna saċerdoti oħra gawda mid-direzzjoni spiritwali ta’ Dun Mikiel meta kien fis-snin ta’ formazzjoni tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex, irrifera għal waħda mis-sentenzi l-aktar famużi li kien iħobb jgħid il-Qaddej ta’ Alla: “It’s costly either way” – “jew nixtru t-trab bil-ġawhar tagħna jew il-ġawhar bit-trab tagħna”. B’dan il-mod, Dun Mikiel ipprova jlaqqa’ ma’ Ġesù mhux biss lill-individwi imma wkoll lis-soċjetà tagħna, u juriha li jekk ma tagħżilx lil Kristu, xorta hemm prezz għoli xi tħallas.

L-Isqof Grech sostna li kien jipprova jlaqqa’ lill-bnedmin ma’ Kristu “għax hu stess kien jaf xi tfisser il-qawwa ta’ din il-laqgħa”. Hawn hu rrefera għal-laqgħa tal-mara adultera tal-Vanġelu ma’ Kristu li wettqet fiha “xi ħaġa irriversibbli: saret taf lil dak li huwa l-Feddej tagħha” u għandu d-difett li “mhux kapaċi jikkundanna”.

L-Isqof tenna li ma jifhimx kif Ġesù jgħid lil din il-mara tmur u ma tidnibx iżjed, meta jaf bid-dgħufija umana. Imma “min verament jiltaqa’ ma’ Ġesù jkollu fih qawwa li tħarsu milli jidneb”. Fi Kristu hija sabet il-qawwa biex “titfa’ l-imgħoddi wara spallejha, terġa’ tqum fuq riġlejha u tiftaħ triq ġdida kollha tama”.

Għalhekk, irrifletta l-Isqof ta’ Għawdex, “kemm hu sew li wieħed ikun jaf lilu nnifsu u hekk jevita li jaħseb li jista’ jiġġudika, jikkundanna u jħaġġar (jekk mhux bil-ġebel, bil-kliem!) lill-proxxmu tiegħu”.

“Jekk niġi mistoqsi xi bżonn urġenti naħseb li għandha bżonn il-Knisja lokali llum, ngħid li neħtieġu niltaqgħu ma’ Kristu”, temm jgħid Mons. Grech.

Għall-quddiesa kkonċelebraw mal-Isqof diversi saċerdoti, fosthom Mons. Pawlu Cardona, Viċi-Postulatur tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard.