Filmat: “Dun Mikiel Azzopardi kien jemmen li l-Providenza ta’ Alla hi bla limitu”

Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni ta’ monument f’ġieħ Dun Mikiel Azzopardi, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li “Mons Mikiel Azzopardi kien jemmen bis-sħiħ li l-Providenza ta’ Alla hi bla limitu, bħalma huma bla limitu l-valuri tal-ġustizzja u s-solidarjetà.”
Dan il-bust ta’ Dun Mikiel ġie inawgurat dalgħodu fi triq fis-Siġġiewi imsemmija wkoll għalih. 
Fiċ-ċerimonja, Fr Martin kompla jgħid li Dun Mikiel “kien determinat li jibni din id-dar għall-persuni b’diżabilità, anke jekk kien hemm min ħaseb li kien qed jesaġera jew li l-ħsieb tiegħu ma kienx se jirnexxilu. 
Ħafna kienu spjegawlu li biex jagħmel dan il-proġett ried ħafna fondi iżda t-tweġiba tiegħu kienet li jitfa’ kollox f’ħoġor il-Providenza ta’ Alla.”
Il-monument twaqqaf mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u mill-Għaqda Kulturali Siġġiewi li ħadmu id f’id biex il-bust tal-bronż, xogħol l-iskultur Vincent Apap, jieħu postu ma’ oħrajn wild is-Siġġiewi.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca faħħret lill-poplu Siġġiewi li wieħed u ħamsin sena ilu fetaħ idejh bil-qalb biex jilqa’ lil Dun Mikiel u l-ħolma tiegħu li jibni l-ewwel dar residenzjali għal persuni b’diżabilità fir-raħal tagħhom.
Dun Mikiel għex għal tnejn u għoxrin sena sħaħ fid-Dar tal-Providenza u hu midfun fl-istess dar fost dawk il-persuni li tahom rispett, dinjità u drittijiet.