Dun Mario Mifsud: Kappillan ġdid għall-Ħamrun

Dun Mario Mifsud inħatar kappillan tal-parroċċa Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun mill-Arċisqof Pawlu Cremona.
Dun Mario twieled fis-17 ta’ Mejju 1963 u trabba l-Ħamrun. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fil-Ħamrun u dik sekondarja fil-Lyceum u fis-Seminarju tal-Arċisqof.
Kompla l-istudji terzjarji fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa bħala accountant fl-1988. Fl-istess sena, daħal is-Seminarju Maġġuri u kompla l-istudji fil-Fakultà tat-Teoloġija, fl-Università ta’ Malta.
Dun Mario ġie ordnat saċerdot fis-16 ta’ Settembru, 1994. Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Fl-1996 ġie maħtur kappillan tal-parroċċa Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid, fejn serva għal seba’ snin. Fl-2003 inħatar kappillan tal-parroċċa tal-Qrendi.
Il-parroċċa Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun tiġbor fiha madwar 4,000 persuna f’aktar minn 1,500 familja.