Dun Jean fl-Iskozja imma xorta qrib il-Maltin

Dun Jean Govè, qassis Malti li jinsab l-Iskozja, se jibda ta’ kull ġimgħa jiltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażagħ mill-Parroċċa ta’ Pembroke f’Malta għal Film Night. Dun Jean la qiegħed jinżel Malta ta’ kull ġimgħa u lanqas iż-żgħażagħ ma huma qegħdin jiltaqgħu flimkien. Kollox qed isir permezz tat-teknoloġija.

Din hi biss waħda mill-inizjattivi kreattivi li diversi fil-komunitajiet tagħna qegħdin jużaw sabiex iżommu l-kuntatt bejniethom. It-teknoloġija tista’ sa ċertu punt timla l-vojt tal-qrubija fiżika u din l-inizjattiva hi waħda mill-ħidmiet ta’ għadd ta’ nsara f’Malta u lil hinn.

Modi kreattivi lil hinn minn dak li jsir is-soltu

Filwaqt li t-talb ma jiqafx, il-ħidma tal-Knisja hi aktar wiesgħa u mifruxa. Dawn kollha bżonjużi sostna Dun Jean, però huma qegħdin iħeġġu lin-nies li “l-ħidma tal-Knisja tkompli fejn hemm is-sagrifiċċju tagħkom li tiċċaħħdu li tiġu titolbu f’dan il-post. Il-ħidma tal-Knisja tkompli fl-att ta’ karità li qed tagħmlu lill-ġirien, lill-anzjani li huma morda. Il-ħidma tal-knisja tkompli anke fit-talb li huma joffru fi djarhom”.

Viċin in-nies b’diversi modi

Fost affarijiet oħra huma qegħdin jorganizzaw ħidma biex jiżdied l-għadd ta’ dawk li joffru ftit ikel għal ġurnata jew tnejn, lil dawk li jispiċċaw bla xogħol u bla dar minħabba l-coronavirus. Qegħdin ukoll inħeġġu u norganizzaw grupp ta’ nies, anke anzjani li jinsabu magħluqin ġewwa djarhom, biex jagħmlu kuntatt ma’ oħrajn. “Dan kollu qiegħed isir biex ħadd ma jħossu waħdu, b’hekk kulħadd jibqa’ jħoss li hu parti minn din il-familja waħda”. Dun Jean temm jgħid li għalih “din il-pandemija hija opportunità biex iwessa’ l-ħidma pastorali li minħabba l-istudji setgħet kienet anqas.”

X’qed jagħmel l-Iskozja Dun Jean?

Dun Jean qiegħed fl-Iskozja jistudja l-filosofija fl-Università ta’ St Andrew’s. Hemm hu jagħti servizz fil-Parroċċa ta’ St Mary’s, Lochee, f’Dundee l-Iskozja. Anke l-Iskozja għalqet l-istituti universitarji, u twaqqfu s-servizzi reliġjużi bil-pubbliku. Filwaqt li qiegħed ikompli l-istudji tiegħu mid-dar, flimkien mal-Kappillan Dun Mark Cassidy ħass li issa jista’ jkun ta’ kontribut anke f’Malta fil-parroċċa li jservi meta jkun hawnhekk.

St Mary, Lochee, l-Iskozja

Il-parroċċa ta’ St Mary The Immaculate Conception tagħmel parti mid-Djoċesi ta’ Dunkeld u tinsab madwar 50 mil fit-tramuntana ta’ Edinburgh, l-Iskozja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn