Aġġornata: “Kont sorpriż bid-deċiżjoni tal-Papa” – Dun Hector

Ma’ Newsbook.com.mt, Fr Hector Scerri qal li kienet sorpriża għalih li l-Papa Franġisku għażlu biex ikun konsultur.
Hu se jkun wieħed mill-konsulturi tad-Dikasteru tal-Ekumeniżmu.
Fr Hector spjega li x-xogħol tal-konsultur hu li bħala teologu, jagħti parir fuq dak li għandu x’jaqsam mad-djalogu bejn Insara ta’ knejjes differenti, kif se jkun qed jagħmel hu.
Kompla jgħid li se jkun hemm drabi meta jkun hemm bżonn imur Ruma jew f’pajjiż ieħor għal laqgħa.
Fr Hector xorta se jibqa’ Malta u se jkompli l-ħidma tiegħu fid-djoċesi u fl-Università ta’ Malta. Ilu bosta snin jaħdem fil-kamp tal-ekumeniżmu f’Malta. 

Aktar kmieni: 
Dun Hector Scerri ġie magħżul mill-Papa Franġisku bħala wieħed mill-konsulturi tiegħu għall-Kunsill Pontifiċju li jippromwovi l-Għaqda fost l-Insara.
Dun Hector, li għandu 48 sena, ilu għal dawn l-aħħar 16-il sena jaħdem fid-Dipartiment tat-Teoloġija Dommatika fl-Università ta’ Malta, fejn serva bħala kap fl-aħħar snin.
Barra minn hekk, huwa l-President tal-Kummissjoni Teoloġija fi ħdan il-Konferenza Episkopali Maltija u anke tal-Kummissjoni Ekumenika tal-Arċidjoċesi.
Huwa wkoll attiv fid-djalogu ekumeniku, tant li fl-aħħar snin inħatar Ċermen tal-Kunsill Ekumeniku Malti.