Dun Ġorġ, il-musical – dalwaqt minn Malta għal Sqallija

Il-musical Dun Ġorġ, minn fuq il-palk tal-Oratorju Don Bosco t'Għawdex fejn inħadem għall-ewwel darba, issa se jkompli l-vjaġġ tiegħu, l-ewwel għal Malta u dritt wara għal Sqallija.
Dan ġie żvelat dalgħodu mill-awtur tal-musical Mark Lawrence Zammit li ma' Newsbook.com.mt esprima l-ħeġġa li għandu hu u l-grupp ta' żgħażagħ sħabu li jgħixu din l-esperjenza unika flimkien.  "Sodisfazzjon li l-ħolma li bdiet minn Għawdex u li f'Għawdex intlaqgħat tajjeb ħafna issa se tixtered ma' ħafna aktar Maltin u Ewropej!"
Il-cast tal-Musical jinkludi fih b'kollox 120 żagħżugħ u żagħżugħa.  Meta ttella' f'Għawdex hu stmat li rawh 2500 ruħ, wieħed minn kull għaxar Għawdxin. Il-mużika tal-musical hi miktuba minn Francesco Grech
Għal waħda mis-serati tal-musical li sar f'Għawdex kien hemm preżenti s-segretarju privat tal-Papa Franġisku, l-Għawdxi Mons. Alfred Xuereb. Mons. Xuereb dakinhar feraħ lil dawn iż-żgħażagħ u wasslilhom l-awguri personali f'isem il-Papa nnifsu. Il-Papa qal lil dawn iż-żgħażagħ li l-knisja kburija bihom għal dak li għamlu biex il-figura ta' Dun Ġorġ Preca tingħata t-tislima li jistħoqilha.  
Il-musical se jittella' fl-Istitut Kattoliku l-Floriana nhar is-26 ta' Settembru. Aktar tard fl-2015 imbagħad il-cast se jitla' Sqallija u jxerred din l-istorja tal-ewwel qaddis Malti 'l bogħod minn xtutna.  
Ritratti: Anthony Grech