Dulux u Vee Gee Bee jgħinu fit-trasformazzjoni tal-bitħa tal-Inspire

Ix-xahar li għadda l-familji, l-impjegati u l-voluntiera ta’ INSPIRE ingħaqdu flimkien biex jgħinu fi proġett li kien iffinanzjat bil-ġenerożità ta’ Dulux Paints u Vee Gee Bee. 
L-Inspire ġiet magħżula bħala l-organizzazzjoni għal din is-sena fil-Let’s Colour Project ta’ Dulux. 
L-inizjattiva, li sseħħ madwar id-dinja kollha, għandha l-għan li toħloq ambjent ta’ għajxien aħjar billi jingħata l-kulur lill-ambjent.
“Flimkien irnexxielna nibdlu l-bitħa tal-Inspire f’post attraenti u li joffri divertiment, b’mod li għamilna l-ambjent aktar sabiħ”, qalu l-voluntiera.
Kenneth Gauci Borda, Direttur Maniġerjali ta’ Vee Gee Bee Ltd qal li "għal darb’oħra l-kulur irnexxielu jibdel u jagħti l-ħajja lil żona li kienet pjuttost mudlama. Aħna nemmnu fil-qawwa tal-kulur u l-programm Let’s Colour għandu. l-għan ewlieni li jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies madwar id-dinja.  Aħna tassew ħadna gost naħdmu mal-Inspire fuq dan il-proġett, u r-riżultat finali u t-tbissima fuq wiċċ kulħadd ċertament li għamlu x-xogħol ħafna aktar sodisfaċenti."
Il-voluntiera ħadmu wkoll biex isebbħu xi żoni fuq ġewwa. Wara ħafna ħdima u b’200 litru żebgħa, dan kien ir-riżultat li se jitgawda mit-tfal li jattendu l-Inspire u l-familji tagħhom.
Antonello Gauci – CEO ta’ Inspire, qal li “f’isem il-familja kollha tal-Inspire nixtieq nirringrazzja lil kull min xammar il-kmiem u għen f’din l-inizjattiva. Dulux & Vee Gee Bee kellhom idea eċċezzjonali, u l-kontribut tagħhom huwa imprezzabbli, imma mingħajr il-parteċipazzjoni attiva ta’ tant persuni dan il-proġett ma kienx ikun jista’ jitwettaq,”
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.