Duke jirritorna d-dar għall-Milied

Bosta huma dawk li jaħarbulhom, u kawża ta’ dan jinsterqulhom l-annimali tagħhom, speċjalment jekk ikunu ta’ razza pura.
Ilbieraħ, Duke, il-kelb li seraq il-qlub ta’ ħafna Maltin u Għawdxin ġie rritornat lis-sid tiegħu Romina Vella Agius. Dan wara li kien ilu nieqes mit-28 ta’ Novembru, meta l-kelb ħarab mid-dar, fl-akwati tal-Buskett, wara li t-tifla ta’ Romina fetħet il-bieb ta’ barra. Minkejja li ppruvat tiġri warajh Duke għeb u għamel tul ta’ żmien nieqes minn familtu.
Duke nstab fi triq viċin il-Buskett stess minn Sylvester Caruana. Huwa kien f’kundizzjoni tajba ferm għal fatt li kien ilu nieqes ftit tal-ġimgħat. Romina rringrazzjat lil midja u lil Maltin u l-Għawdxin kollha li b’xi mod jew ieħor għenu fit-tfittxija tal-għażiż tagħha li issa jinsab lura ferħan f’daru.

Bosta kienu dawk li rrikorrew fuq Facebook biex jgħinu lil Romina terġa’ tingħaqad lura mal-għażiż Duke, kif ukoll servew bħala sors ta’ inkoraġġiment għaliha fi żmien tant diffiċli.

Romina kienet ukoll kitbet ittra fuq Facebook fejn talbet lill-persuni li setgħu ġabru lil Duke mit-triq biex tiġihom ħniena minnha u jirritornawh għandha. Fl-ittra tiddeskrivi lil Duke bħala membru tal-familja u għaldaqstant tinkwieta fuqu daqs li kieku kien bniedem.