“Dubjużi li l-Gvern vera jrid kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema”

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M.) qalu li jinsabu dubjużi li l-Gvern Malti verament irid kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema wara li kien pront u ssospenda l-avviż legali li ħareġ dwar id-dritt bażiku tal-ħaddiema għal ġranet ta’ mistrieħ.

Fi stqarrija spjegaw li l-pressjoni li għamlu l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u d-deċiżjoni tal-Gvern juru biċ-ċar dak li jridu jgħaddu minnhu it-trade unions sabiex jiksbu fost l-aktar drittijiet bażiċi għall-ħaddiema, bħal informazzjoni dettaljata tal-paga tagħhom.

For.U.M. insistew li din mhix l-ewwel darba li l-ħaddiema spiċċaw minn taħt u għamlu referenza għad-diskussjonijiet sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jużaw is-sick leave tagħhom sabiex jieħdu ħsieb lil uliedhom meta jkunu morda.

Insistew li l-Gvern għandu bżonn ikun jaġixxi b’mod daqshekk immedjat ukoll meta trade unions joġġezzjonaw għal miżuri li huma ta’ detriment għall-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

“Il-ħaddiema stennew ħames snin; ma ġewx ikkonsultati” – SĦPN

Min-naħa l-oħra, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) qabeż għal min iħaddem. Fi stwarrija sostnew li wara ħames snin jistennew lill-Gvern joħroġ b’ideat sabiex jinqata’ l-prekarjat, il-Gvern ma wettaqx id-diskussjoni meħtieġa u ma kkonsultax l-imsieħba soċjali.

Fi stqarrija, l-SĦPN semmiet l-avviż legali dwar il-leave li fil-jiem li għaddew inbidlu r-regolamenti dwaru. It-tibdil, insistew li jista’ jħalli riperkussjonijiet fuq min iħaddem u għaldaqstant wassal sabiex biex il-Malta Chamber of Commerce, l-MEA, l-GRTU u l-MHRA lesti li jibbojkotjaw il-laqgħat fl-Employment Relations Board (ERB) sakemm is-sitwazzjoni titranġa.

Fl-aħħar jiem, bosta Unjins u NGOs miż-żewġ naħat tas-sitwazzjoni kkummentaw dwar il-każ.

L-organizzazzjoni xelugija Żminijietna qalet li l-Gvern għandu “jmexxi ‘l quddiem il-liġijiet ġodda marbuta ma’ teħid tal-leave u l-informazzjoni mitluba fuq il-payslip.”