Dubji u inċertezzi fl-iskwadra Olandiża kontra l-Kosta Rika

Inċertezza minn naħa tal-kowċ Olandiż Van Gaal bejn Van Persie u Huntelaar.
Dan tal-aħħar huwa disponnibli li jilgħab mill-bidu.
Van Persie li jixtieq ħafna jilgħab, ma kienx qed jitħarreġ dawn l-aħħar jumejn minħabba ġbid f’koxxtu.
Van Gaal se jkollu nieqes ukoll lil De Jong li hu mweġġa’ u postu se jieħdu Guzman.
Ma’ Van Persie hemm dubju wkoll fuq Wesley Sneijder li mhuwiex fl-aħjar kundizzjonijiet.
Għat-tim tal-Kosta Rika, Duarte huwa skwalifikat u se jidħol minfloku Barrantes.
Il-logħba bejn l-Oranje tal-Olanda u t-Ticos tal-Kosta Rika tibda fl-10pm.
Dawn iż-żewġ timijiet qatt ma lagħbu kontra xulxin u din se tkun sfida unika f’kull sens.
L-Olanda waslu tliet darbiet fil-finali, fl-1974, fl-1978 u fl-2010, iżda qatt ma rebħu t-Tazza tad-Dinja.
Il-Kosta Rika se jilagħbu fil-kwarti tal-finali għall-ewwel darba u l-ogħla suċċess kien meta fl-edizzjoni tal-1990 fl-Italja, waslu fl-ottavi tal-finali.