Dubji dwar l-aħħar ġurnata ta’ Mare Nostrum u l-bidu ta’ Triton

Suppost illum hi l-aħħar ġurnata tal-proġett Taljan Mare Nostrum, hekk kif għada s-Sibt, minfloku se tibda taħdem l-operazzjoni Triton, immexxija mill-Frontex, l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea.
Sa nhar it-Tlieta li għadda, il-Marina Taljana kellha problemi serji mal-Gvern hekk kif l-Ammirall Filippo Maria Foffi, li jmexxi l-ħidma ta’ Mare Nostrum, qal li m’għandu ebda intenzjoni li jwaqqaf Mare Nostrum.
Dan għaliex qal li qatt ma rċieva ordni bil-miktub li tgħid li wara sena, Mare Nostrum mhux se tibqa’ tgħin lill-immigranti f’diffikultà.
Fl-aħħar 12-il xahar, il-Marina Taljana salvat kważi 150,000 persuna mill-għarqa.
Il-proġett Mare Nostrum hu mmexxi mill-Italja u rċieva madwar €30 miljun mill-Kummissjoni Ewropea wara t-traġedja ta’ Lampedusa. 
Din il-ġimgħa wkoll fi Brussell, ir-Renju Unit ħabbar li mhux se jieħu sehem fl-ebda proġett ieħor dwar is-salvataġġ tal-immigranti minħabba li qed iħeġġu aktar nies jiġu lejn l-Ewropa.
Triton se jkun ibbażat f’Lampediusa kif ukoll fil-Port ta’ Empedocle fi Sqallija. 
Ir-rondi se jsiru sa 30mil ’il bogħod mill-kosta u mifruxa fuq il-baħar bejn Sqallija u l-kosta ta’ Calabria fin-nofsinhar tal-Italja. 
Bosta kkritikaw il-ħidma ta’ Triton, fosthom id-Direttur ta’ Amnesty International John Dalhuisen, għaliex skontu, Triton mhux se tissodisfa l-ħtiġijiet tal-eluf ta’ immigranti u refuġjati, inklużi dawk li huma sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom minħabba gwerer u persekuzzjoni li jixtiequ jittantaw xortihom fl-Ewropa.
Triton se jiġi jiswa mat-€3 miljun ix-xahar u jirriżulta li t-tagħmir se jingħata minn Franza, mill-Finlanda,mill-Olanda, minn Spanja, mill-Portugall u mill-Iżlanda.