Dubji dwar kemm hi gravi l-qagħda ta’ Trump

REUTERS/Kevin Lamarque

Għadd ta’ tobba li mhumiex involuti fit-trattament tas-saħħa tal-President Donald Trump għall-COVID-19 qalu li l-fatt li beda’ jingħata trattament bid-dexamethasone – steroid ġenetiku li jintuża’ ħafna f’mard ieħor sabiex inaqqas l-inflammazzjoni – huwa l-aqwa evidenza li dan il-każ jista’ jkun wieħed gravi.

It-tim mediku ta’ Trump nhar il-Ħadd qal li l-president beda’ jingħata dan l-isteroid wara li beda jħoss livelli baxxi ta’ ossiġnu iżda li l-kundizzjoni tiegħu bdiet taqleb għall-aħjar, u li kapaċi jinħareġ mill-isptar nhar it-Tnejn.

“Minn dak li ntqal waqt il-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-kundizzjoni tal-President, tani x’nifhem li l-marda li għandu l-President hija iżjed gravi mill-impressjoni li qed tipprova tingħata,” qal Dr. Daniel McQuillen, speċjalista tal-mard infettiv ġewwa Lahey Hospital & Medical Center f’Burlington, f’Massachusetts.

Is-Soċjetà ta’ Mard Infettiv tal-Amerika qalet li d-dexamethasone hija ta’ ġid għal dawk li qed ibatu b’kundizzjoni kritika jew gravi ta’ COVID-19 u li jkollhom bżonn ossiġnu żejjed. Iżda l-istudji juru li din il-mediċina ma tgħinx – anzi kapaċi tagħmel il-ħsara –f’nies li l-marda laqtithom b’mod ħafif.

Meta tqis li l-pazjent għandu 74 sena, jiżen iżjed milli suppost u jinsab f’riskju għoli ta’ iżjed kumplikazzjonijiet, “dan it-trattament, għall-bidu, kien wieħed aggressiv,” qal Dr. Stuart Cohen, kap tal-qasam tal-mard infettiv ta’ UC Davis Health f’Kalifornja.

Huwa, kif ukoll tobba oħrajn li ilhom jitrattaw pazjenti bil-COVID-19 għal dawn l-aħħar xhur, qalu li l-president Trump, li ssorprenda lil folla sostenituri tiegħu barra mill-isptar meta l-Ħadd filgħaxija għadda jsellmilhom waqt parata bil-muturi, xorta kapaċi jinħareġ mill-isptar. Trump reġa lura fiċ-Ċentru Mediku Militari Nazzjonali Walter Reed wara dawra qasira.